Illum huwa jum speċjali għall-attur Kirk Douglas hekk kif qed jiċċelebra għeluq il-103 sena. Hu twieled fi New York nhar id-9 ta’ Diċembru 1916.
F’intervista li kellu xi żmien ilu, l-attur kien stqarr li minkejja l-età li għandu jippreferi ma jaħsibx fuq il-mewt. ” Minflok nagħżel li naħseb fil-ħajja,” kien qal hu hekk kfi saħaq li minkejja kollox iħares lejn il-ħajja minn lenti pożittiva.
Douglas iddebutta bħala attur fil-film The Strange Love of Martha Ivers tal-1946. Miegħu ħadmu Barbra Stanwyck u Lizabeth Scott.
Sa ftit snin wara Douglas kien beda jingħata partijiet ewlenin f’films western u dawk tal-gwerra. B’kollox ħadem f’aktar minn 90 film.
Douglas ilu għal aktar minn 65 sena miżżewweġ lil Anne Buydens. Hija t-tieni mara tiegħu. Huwa wkoll missier l-attur Michael Douglas. Għandu wkoll tlett subien oħra, Joel, li bħal Michael twieled mill-ewwel żwieġ tiegħu ma’ Diana Dill, u Peter u Eric miż-żwieġ tiegħu ma’ Buydens. Eric, li kien ukoll attur kien miet fl-2004.
Id-dinja tal-films illum awgurat lil dan l-attur iżda fost il-messaġġi li spikkaw kien hemm dik tal-mara ta’ ibnu, l-attriċi Catherine Zeta-Jones.

L-aħħar darba li Kirk ħadem kien fl-2008 fil-film televiżiv Empire State Building Murders.