Ftit ġranet ilu kważi 6,000 iffirmaw petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex juru l-għadab u s-sogħba tagħhom wara li Miriam Pace nqatlet “b’riżultat tal-inkompetenza tal-awtoritajiet tal-istat Malti, li mhux qed iħarsu lilna ċ-ċittadini mir-regħba tal-industrija tal-kostruzzjoni”.
Kien hemm nies minn kull strata tas-soċjetà Maltija. Kollha kelma waħda: issa xbajna. Kollha rrabjati li l-istat Malti jidher bħala impotenti quddiem l-industrija tal-kostruzzjoni. Ġraw wisq traġedji li misshom kienu evitati. Kollha misshom kienu evitati. Huwa tal-mistħija għall-Istat Malti li qed jinqatlu n-nies minħabba r-regħba.
Minħabba l-kriżi tal-coronavirus illum ftit li xejn jitkellmu dwar din it-traġedja u dwar traġedji oħra li għaddejna minnhom. Aħna determinati iżda li ma nħallux lil dan il-virus qerried jordom taħtu lil dawn is-6,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni.
Aħna se nibqgħu nfakkru u ninsistu li tittieħed azzjoni.
L-istat naqas lill-Maltin
Hemm wisq organi tal-istat Malti li qed jonqsu lis-soċjetà Maltija u li naqsuha tul is-snin. Naqsuna wisq awtoritajiet li kienu jibagħtu lin-nies minn għand Kajfa għal għand Pilatu. Kulħadd jaħsel idejh.
Naqsuha wkoll minħabba li għamluha diffiċli għaċ-ċittadin komuni li jiddefendi d-drittijiet tagħhom kontra l-bulijiet tal-industrija tal-kostruzzjoni. L-istat ħalla lill-bulijiet jirrenjaw u liċ-ċittadini jbatu.
L-istat Malti naqas lill-familja Pace meta ma ordnax ġurnata ta’ luttu nazzjonali dakinhar tal-funeral ta’ Miriam Pace.
Kien xokkanti għalija meta waqt intervista mal-Perit David Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ intqal li f’pajjjiżna lanqas għandna regolamenti dwar il-bini. L-uniku pajjiż Ewropew b’din il-mistħija.
Barra minn hekk hemm wisq għaqdiet li jew ma għamlux xogħolhom sew jew ma rnexxilhomx jirranġaw is-sitwazzjoni. Hemm wisq professjonisti li jġibu ruħhom ta’ kollox barra ta’ professjonisti. Hemm wisq professjonisti li ttradew il-professjoni tagħhom għall-flus.
Il-Perit Xuereb qal ċar u tond li dawk li ma jimxux sew fl-industrija tal-bini huma l-maġġoranza.
Huwa inkoraġġanti li l-Kamra tal-Kummerċ taħt il-presidenza tal-Perit Xuereb se taqbad il-barri minn qrunu u taħdem għal riforma vera u malajr.
Solidarjetà bil-fatti
Dawk li ffirmaw kienu kollha sogħbiena li l-familja Pace tilfet lil Miriam. Mart żewġha u omm uliedhom li kienet qed tipprepara għat-tifkira tal-birthday.
Kollha riedu li mill-kliem dwar solidarjetà ngħaddu għall-fatti. Għalhekk iffirmaw petizzjoni li tinsisti li “l-familja Pace, il-vittma ta’ din it-traġedja, tingħata mill-istat kull għajnuna, inkluż finanzjarja, li għandha bżonn”.
Kollha jemmnu li s-solidarjetà għandha tinfirex għal “kull familja, li fix-xhur li għaddew sofriet diżgrazzji simili u tingħata wkoll kull għajnuna”.
Il-Qrati naqsu lill-Maltin
Kien hemm ukoll rabja kbira għall-Qrati.
Il-firmatarji nsistew “li l-proċess ġudizzjarju jimxi b’pass mgħaġġel biex kull min hu responsabbli jieħu li ħaqqu. Mhux aċċettabbli li f’dan il-każ jiġri kif ġara f’San Pawl il-Baħar. Fl-2004 żewġ nisa nqatlu meta ġġarraf bini, u sal-lum, 16-il sena wara, għadha ma saritx ġustizzja peress li l-proċess tal-Qorti għadu mirdum”.
Il-Ġimgħa li għaddiet intervistajt lill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca. Hija iddeskriviet dak li ġara fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar bħala ‘shameful’.
Sa x’ħin qed nikteb għadu mhux magħruf pubblikament meta se jkompli l-appell li kien pospost fl-2010.
Aħna mhux se nisktu
Bħall-firmatarji tal-petizzjoni “Aħna lkoll nemmnu li jistħoqqilna aħjar”.
Bħall-firmatarji aħna wkoll “Lill-Istat ngħidulu: Issa daqshekk”.
Nassiguraw lill-qarrejja tagħna li aħna mhux se nieqfu ninsistu li l-affarijiet jinbidlu.