“Ma nħallux is-sagrifiċċji li saru jisfaw fix-xejn fil-festi” – L-Azzjoni Kattolika

ikla tal-Milied

Read in English.

L-Azzjoni Kattolika għamlet appell biex kulħadd ikun responsabbli fi żmien il-festi sabiex is-sagrifiċċji li saru tul il-pandemija ma jisfawx fix-xejn.

Fi stqarrija, l-Azzjoni Kattolika rriflettiet fuq is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u insistiet fuq il-fatt li minkejja li riesaq żmien il-festi, jeħtieġ li niftakru li xorta għadna qed ngħixu f’pandemija. Skont l-Azzjoni Kattolika, l-imxija tal-coronavirus titlob minna li naħsbu f’ħaddieħor, speċjalment f’min hu vulnerabbli.

“Hu veru li f’dawn ix-xhur bosta nies diġà għamlu ħafna sagrifiċċji u ċċaħħdu minn ħafna esperjenzi u affezzjoni fiżika u għalhekk issa l-għeja ta’ dawn il-miżuri bdiet tinħass sew,” qalet l-għaqda tad-duttrina, “Però ejjew niftakru li l-pandemija għadha magħna u ma nistgħux inħallu s-sagrifiċċji li saru s’issa jisfaw fix-xejn. Hu partikolarment diffiċli li fi żmien il-Milied ma tiċċelebrax bil-mod tradizzjonali Malti li bosta drabi b’mod sabiħ ikun mimli bil-preżenza tal-familja, imħabba u ferħ – però ċerti li bit-teknoloġija u bil-kreattività ta’ kull persuna, jistgħu jinstabu mezzi alternattivi ta’ kif xorta waħda naqsmu l-ferħ ta’ dan il-jum tant importanti ma’ xulxin.”

Għaldaqstant, l-Azzjoni fakkret fil-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, li għandna:

  • Nilbsu l-maskra, inżommu d-distanza u naħslu jdejna ta’ spiss
  • Ma nqegħdux f’periklu lil ħaddieħor b’mod partikolari lill-persuni vulnerabbli
  • Niċċelebraw biss ma’ dawk li joqogħdu fl-istess dar tagħna
  • Ma nilqgħux għandna u ma nżurux persuni oħra li ma jgħixux magħna
  • Fejn hu possibbli nieħdu t-tilqima kontra l-influwenza

Apparti hekk, l-Azzjoni Kattolika fakkret fis-sempliċità li twieled fiha Ġesù, sempliċità mimlija mħabba li biddlet l-istorja tal-umanità. Hija awgurat ukoll lin-nies sabiex din l-imħabba tinħass minkejja l-inċertezza taċ-ċirkustanzi.