​“Ma nħaddnux politika li tbiddel il-Mediterran f’ċimiterju”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex l-Ewropa ma tħaddanx politika li tħalli l-baħar Mediterran jinbidel f’ċimiterju.
Waqt li ndirizzat is-Simpożju tal-Paċi, irreferiet għat-traġedji tal-immigranti tal-aħħar jiem fejn saħqet dwar l-importanza ta’ politika waħdanija mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Qalet li bħalissa wkoll eluf ta’ persuni għadhom qed jirriskjaw ħajjithom biex jilħqu x-xtut Ewropej.
Tkellmet dwar l-immigranti li qed iħallu pajjiżhom minħabba l-kunflitti u qalet li dawn qed imutu għalxejn għax il-komunità internazzjonali għandha l-kapaċità li taġixxi u ssalva l-ħajjiet.
Il-President temmet tgħid li kulma jridu dawn il-persuni hija l-libertà u l-paċi.
Appellat lil dawk preżenti sabiex ma jagħtux daharhom lejn ir-realtà iżda jifhmu s-sitwazzjoni tal-immigranti irregolari. Qalet li b’hekk biss jistgħu jieqfu dawn l-imwiet u t-traġedji.