“Ma ngħaġġlux dwar taxxi fuq is-servizzi diġitali”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li d-dħul ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali għall-kumpaniji ewlenin m’għandhiex tiddaħħal bil-għaġġla.

Huwa qal dan waqt laqgħa tal-ECOFIN fi Brussell li kienet qed tiddiskuti d-diġitilizzazzjoni fejn il-Ministru Scicluna qal li issa din hija kwistjoni ta’ meta u mhux jekk se ssir realtà.

Il-Ministru Scicluna saħaq li inizjattiva bħal din trid tikseb il-kunsens tal-membri tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ewropea u l-Iżvilupp l-OECD.

Qabel din il-laqgħa, il-Ministri għall-Finanzi Ewropej tkellmu bejniethom dwar l-industriji tal-fintech, l-isfidi fis-settur finanzjarju u t-tkabbir ekonomiku.

Iktar kmieni, il-Ministru Edward Scicluna ħa sehem fil-laqgħa tal-Eurogroup li ddiskutiet fost l-oħrajn il-pjan tal-baġit li ressaq il-Gvern Taljan.

Iltaqa’ wkoll mal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji Pierre Moscovici.