“Ma nċedux għall-attakki vendikattivi tal-PN” – Chris Cardona

Id-Deputat Kap tal-Partit Laburista Chris Cardona wissa’ lill-uffiċjali u lid-delegati tal-PL sabiex jingħaqdu flimkien u ma jċedux għall-attakki vendikattivi, il-gideb u l-ipokreziji tal-Partit Nazzjonalista.
Fit-tmiem l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali, Dr Cardona qal li jinsab kunfidenti li l-Prim Ministru se jħalli ismu mmarkat fl-istorja għas-suċċessi li kiseb fil-qasam soċjali u ekonomiku.
Qal li min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jibqa’ mfakkar għall-gideb u għar-redikolu li jaqa’ fih.
Huwa qal li l-kampanja elettorali mhux se tkun faċli minħabba li l-PN huwa  perikoluż, vendikattiv u dahru mal-ħajt.
Żied jgħid li jkun żball gravi jekk jinqabdu fin-negattività tal-PN għax ma jkunux qed jirreflettu s-sentiment tan-nies u n-negozji.
Dr Cardona appella biex jibqgħu umli u jirrikonoxxu l-iżbalji li għamlu sabiex jindirizzawhom.
Saħaq li l-PL se jibqa’ jaħdem għall-interess tal-poplu u wera ottimiżmu li l-PL se jkun qed jerġa’ jigverna fil-leġiżlatura li jmiss.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista