Ma naqbilx mar-rapport ta’ Hyzler li mhux ibbażat fuq il-fatti – Muscat

Aġġornat 08:56 PM

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma jaqbilx mar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sabu ħati ta’ ksur ta’ etika meta aċċetta inbid minn Yorgen Fenech. Qal li l-Kummissarju bbaża ruħu fuq il-perċezzjoni u mhux il-fatti.

Fuq Facebook Muscat qal li jemmen li ma ngħatax piż biżżejjed “liċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ”. Qal li minkejja “t-theddid dokumentat” li rċieva, qeda dmiru “bla biża’ jew favur, kif jistgħu jixhdu r-riżultati.” Muscat kien rriżenja mill-kariga tiegħu meta Malta kienet fi kriżi politika li skattat minħabba d-dettalji li bdew ħerġin dwar il-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Yorgen Fenech bħalissa jinsab akkużat fil-Qorti b’kompliċità fl-assassinju u qed iwieġeb mhux ħati.

“F’sitwazzjonijiet delikati u uniċi bħal dawn trid tieħu deciżjonijiet. Faċli li wara toqgħod bil-pinna u l-klamar tgħid li messu saret ħaġa u mhux oħra. Dawk huma deciżjonijiet tal-mument ibbażati fuq għarfien u konsultazzjoni. Hu x’inhu, jien ħadt dawn id-deciżjonijiet u erfajthom. U minkejja li wasal ir-riżultat, kuntrarju għal dak li sar taħt Prim Ministri oħra, erfajt responsabilta’ u rriżenjajt mill-kariga tiegħi, kif jgħid l-istess rapport,” qal Muscat.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu r-rapport kien għadu mhux ippubblikat.

Il-Kummissjaru għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler sab li kien hemm ksur ta’ etika prima facie meta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat aċċetta l-inbid Petrus mingħand Yorgen Fenech. Dan żvelah l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta kien qed jippresedi l-laqgħa tal-kumitat permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-kumitat permanenti qabel li r-rapport dwar ir-rigal tal-inbid Petrus li Yorgen Fenech kien għadda lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat jiġi ppublikat fuq is-sit tal-kummissarju għall-Istandards.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li wara li ra r-rapport jifhem li l-ksur ta’ etika ma kienx ta’ natura gravi u allura m’għandha tittieħed l-ebda sanzjoni fil-konfront ta’ Muscat. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li la kien hemm ksur ta’ etika l-aġir tal-eks Prim Ministru Muscat kien gravi. 

Fuq Facebook Muscat kiteb li huwa l-uniku PM li ħalla lista ta’ rigali li rċieva lill-istat “fosthom dawn l-inbejjed.” Qal ukoll li ħalla “arloġġ innumerat” u qal li kien hemm politiċi oħra li ngħataw wieħed bħalu. Qal li l-arloġġ tiegħu biss qiegħed fil-pussess tal-Istat però ma qalx għand min qegħdin l-arloġġi l-oħra.

Filwaqt li nirrispetta l-irwol tal-Kummissarju dwar l-Istandards, kariga li daħħal Gvern Laburista wara li ħaddiehor…

Posted by Joseph Muscat on Friday, July 3, 2020

Fl-2019 Joseph Muscat ġie vvutat l-aktar persuna li avvanza l-kriminalità fid-dinja mill-Proġett tar-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP).

Ippubblikat ir-rapport dwar l-investigazzjoni

Aktar tard ġie ppubblikat ir-rapport dwar l-invesitgazzjoni. L-ilment kien li Muscat aċċetta rigal ta’ tliet fliexken inbid Château Pétrus ta’ valur ta’ €5,800. L-iment sar minn Prof. Arnold Cassola fis-27 ta’ Diċembru 2019 u l-25 ta’ Jannar 2020.

Fi kliem Hyzler għal Muscat, rigal ta’ €6,000 ma jistax jitqies bħala rigal ta’ valur żgħir.

L-allegazzjoni kienet li Muscat iriċieva r-regali sentejn wara li Yorgen Fenech allegatament kien ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u almenu tmien xhur wara li Muscat kien jaf li Fenech kien wieħed mis-suspettati.

Hyzler qal li t-talba għall-investigazzjoni tar-“rigali kollha riċevuti minn Dr Muscat minn Ottubru 2018 ’il quddiem, kemm statali kif ukoll dawk privati” ma tistax titqies bħala ilment li jista’ jiġi kunsidrat minnu peress li li mhux qed jiġi allegat aġir speċifiku li jmur kontra xi provvediment tal-kodiċijiet tal-etika. Qal ukoll li din it-talba tista’ titfa’ dan l-uffiċċju f’”fishing expedition”.

“Skont ma ġie mistqarr mill-Onor Dr Joseph Muscat stess, huwa aġixxa fuq il-parir u bil-konoxxenza tas-servizzi tas-sigurtà meta stieden lis-Sur Fenech għall-festin fejn is-Sur Fenech irregalalu t-tliet fliexken inbid li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment. Biex nindaga dwar jekk dan hux minnu jew le ikolli nitlob ixxhieda ta’ uffiċjali tas-servizzi tas-sigurtà. Ma nħossx li dan ikun għaqli jew utli fiċ-ċirkostanzi attwali,” qal Hyzler.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li anke jekk wieħed jinjora l-akkużi kriminali kontra Fenech, xorta huwa imprenditur ewlieni li għandu relazzjonijiet kummerċjali importanti mal-Gvern, fosthom permezz tal-Electrogas.

“Dan fih innifsu jqajjem id-domanda jekk prim ministru għandux jistieden persuna bħal din għal festin privat u jaċċetta mingħandu rigali ta’ valur relattivament għoli. Din hija purament kwistjoni ta’ etika, iżda hija kwistjoni importanti li timmerita investigazzjoni. Dan ir-rapport se jiffoka fuq din il-kwistjoni,” kiteb Hyzler.

Hyzler saħaq li l-Kodiċi tal-Etika tgħid li l-Ministri għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda kunflitt ta’ interess bejn id-doveri pubbliċi tagħhom u l-interessi personali. Jintqal ukoll li m’għandhom jaċċettaw ebda rigali li jistgħu joħolqu impressjoni li qed jikkompromettu l-ġudizzju tagħhom.

Muscat ilmenta ma’ Hyzler li ma ġiex infurmat li kien qed jiġi investigat. Hyzler qal li m’għandu ebda obbligu jagħmel dan. Qal li huwa infurmat jobbliga lill-persuna indagata qabel ma jagħmel xi sejba jew rakkomandazzjoni.

Id-difiża ta’ Muscat

Il-Kummissarju qal li d-difiża ta’ Muscat kienet tikkonsisti essenzjalment fi tliet punti.

  1. Kien qed jaġixxi bl-għarfien u fuq il-gwida tas-servizzi tas-sigurtà
  2. Ma żammx ir-rigal u ħallieh lill-istat
  3. Ir-rigal ma kkompromettiex il-ġudizzju tiegħu

Hyzler qal li Muscat ma speċifikax x’parir tawh is-servizzi tas-sigurtà. Qal ukoll li Muscat kien komdu jistieden lil Fenech għal festin privat minkejja r-relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib mal-Gvern li kellu. Hyzler qal li dan ftit jixhed tajjeb favur Muscat.

Dwar it-tieni difiża ta’ Muscat il-kummissarju jgħid li “huwa ċar li tali rigal kien ta’ natura personali u ma kienx intiż li jingħata lill-istat, dan kemm minħabba ċ-ċirkostanza li fih ingħata (festin privat fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Dr Muscat) kif ukoll mill-fatt li l-annata tattliet fliexken kellhom tifsira personali għall-Prim Ministru u mhux għal ħaddieħor. Dr Muscat aċċetta dan ir-rigal bħala individwu u mhux bħala kap tal-Gvern, u b’hekk daħal f’obbligu personali lejn Yorgen Fenech. Il-fatt li Dr Muscat ma żammx ir-rigal u ħallieh fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti ma jibdel xejn minn dan u huwa, fl-aħjar ipotesi, irrilevanti.”

Dwar l-aħħar difiża ta’ Muscat, Hyzler jgħid m’hemmx għalfejn wieħed isib li xi deċiżjoni attwali kienet kompromessa biex wieħed jikkonkludi li dawn l-kodiċi tal-etika tkun inkisret peress li l-perċezzjoni hi biżżejjed.

Infakkar ukoll li f’amministrazzjoni preċedenti kienu saru akkużi serji u validi minn Dr Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kontra Ministru li siefer fuq ajruplan privat (inċidentalment propjetà tal-istess kumpanija ta’ Yorgen Fenech, li dak iż-żmien ukoll kellha relazzjonijiet kummerċjali kbar malGvern) biex mar jara logħba futbol, u f’okkażjoni oħra li l-istess Ministru aċċetta rigal ta’ “arloġġ tal-lira” ta’ valur relattivament żgħir mingħand persuna li wkoll
kellha relazzjonijiet kummerċjali ma’ entità li kienet taqa’ taħt irresponsabbiltà ta’ dak il-Ministru. U sewwa sar, għaliex mhux sew etikament li Ministru jaċċetta ospitalità, rigali jew benefiċċji oħra mingħand persuna li jkollha relazzjonijiet kummerċjali u interessi mal-Gvern. Għalhekk speċjalment wara dik l-esperjenza l-Prim Ministru messu wera aktar għaqal meta stieden hu stess lil Yorgen Fenech għal festin privat u ristrett u aċċetta rigali mingħandu,” qal il-Kummissarju.

Il-Kummissarju qal ukoll li se jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ rigali.