Ma naqbilx li Malta ssir ċentru li jilqa’ l-immigranti – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-wasliet tal-immigranti f’Malta ġew kważi fix-xejn jew huma tassew minimi.

Muscat kien qed jitkellem fuq l-istazzjoni ONE Radio fejn spjega li jkun hemm għexieren ta’ dgħajjes jaqsmu l-Mediterran u li mhux kull każ qed jidħol f’Malta. “Il-politika tagħna hija waħda sensibli u ta’ sens komun. Jekk hemm xi ħadd qed imut, lil dawk il-persuni aħna rridu nsalvawhom” saħaq Muscat. Żied jgħid li dan huwa parti mid-dmir u mill-umanità tal-pajjiż. Però, qal li l-politika ta’ Malta trid tkun waħda stretta biex mhux kulħadd jagħmel li jrid. Fi kliem Muscat, Malta ma tistax tieħu fuq spallejha r-responsabbilitajiet ta’ pajjiżi oħra u ssir ċentru tal-Ewropa li jilqa’ l-immigranti.

Teknoloġija kontra l- kriminalità

Muscat semma kif qed isir aktar xogħol ta’ infurzar tal-liġijiet. Żied jgħid li hemm ħsieb biex f’postijiet bħal Paceville tintuża’ t-teknoloġija kontra l-kriminalità. Dwar il-vjolenza domestika Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux il-kredibilità biex jitkellem dwarha. Muscat qal li Malta trid tagħmel ħafna aktar f’dan ir-rigward u li jkun hemm aktar servizzi mifruxa.

Brexit u aktar

Dwar Brexit Muscat qal li jemmen li jista’ jkun hemm ftehim, però li jrid jirrispetta l-qafas tar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Qal ukoll li hija t-tama ta’ kważi kull Prim Ministru fi ħdan l-UE li l-poplu Ingliż jerġa’ jibdielu u jagħżel li jibqa fl-UE.

Dwar it-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskola, Muscat qal li ma fadalx vann wieħed f’Malta li mhux se jkun użat fil-ħinijiet tal-bidu jew tat-tmiem tal-iskola li ma jkunx użat. Qal li fadal studenti li jridu jagħmlu użu mis-servizz imma li mhemmx vannijiet biżżejjed għalihom. Spjega li l-Gvern qed jaħdem biex din il-problema tissolva.

Fi kliem Muscat, l-ewwel ġurnata tal-iskola mhux se tkun kollha ward u żahar minħabba t-traffiku. Qal li saru laqgħat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Transport Malta, u l-Kunsilli biex it-traffiku jitmexxa bl-aħjar mod possibbli.

Reazzjoni tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ammetta b’mod dirett li huwa falla kompletament fis-settur tal-immigrazzjoni illegali. Il-PN qal li Muscat “ammetta li m’hemmx nfurzar u l-liġijiet tal-pajjiż mhux qegħdin jiġu rispettati.”