Ma naqbel xejn li jkunu għaddejjin tliet attivitajiet fl-istess ħin

Ma naqbel xejn li fil-belt Victoria fl-istess ħin u fl-istess lejla jkunu għaddejjin tliet attivitajiet f’daqqa. Hekk ġara nhar il-Ħadd filgħaxija 28 ta’ Ottubru 2018 meta fi Pjazza t-Tokk, illum Misraħ Indipendenza kienet qed issir it-tifkira tal-220 sena mit-tluq tal-Franċiżi  u l-Għoti ta’ Ġieħ Għawdex, fiċ-Ċittadella kien qed jinħadem id-dramm msejjes fuq ir-rumanz ta’ Gorg Scicluna ‘Il-Qassis li rebaħ’ u fis-Sala ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex kienet qed issir serata mużikali bis-sehem ta’ Rebecca Hall fuq il-flawt u Gisele Grima fuq il-pjanu bħala parti mill-festival Music +organizzat mill-Classique Foundation imwaqqfa f’Għawdex minn Mro Joseph Debrincat fis-sena 2000.

Ngħid għalija xtaqt li attendejt għalihom it-tlieta għax it-tlieta kienu jinteressawni imma nistqarr li għad ma għandix id-don tat-trilokazzjoni u allura kelli nikkuntenta ruħi li nitlef tnejn u ngawdi attivita waħda biss.  Intant nixtieq nifraħ lil Dr Anton Refalo ex Ministru għal Għawdex u lil Paul M Cassar ex librar għal snin twal u ex Segretarju Generali tas-Soċjeta La Stella li ra t-twelid tat-Tejatru Astra, li ingħataw Ġieħ Għawdex waqt serata sabiħa bis-sehem tal-Cordia String Quartet li saret fil-pjazza ewlenija tal-belt tagħna fil-preżenza tal-President ta’ Malta li poġġiet ukoll kuruna f’riġlejn il-Monument tal-Arċipriet Saverio Cassar li taħt it-tmexxija tiegħu l-Għawdxin kien irnexxielhom ikeċċu lill-Franċiżi wara li dawn okkupaw lil Għawdex għal 141 ġurnata. Biex ifakkar lil dan il-patrijott, ic-Circolo Gozitano jagħti Gieħ Għawdex lill-personalitajiet u organizzazzjonijiet li għamlu ġieħ kbir lil Għawdex jew li taw kontribut ta’ fejda għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u kulturali tal-gżira.

Kif għidt iktar ‘l fuq, fl-istess ħin li kienet għaddejja din iċ-ċerimonja fil-Pjazza Indipendenza, dejjem fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex u fl-okkażjoni tal-220 sena mit-tkeċċija tal-Franċiżi, il-‘Gozo Creative Theatre Club’ bil-kolloborazzjoni tar-Reġjun t’Għawdex taħt il-Patroċinju distint tal-President ta’ Malta, fiċ-Ċittadella kien qed jinħadem id-dramm storiku mir-rumanz ta’ Gorg Scicluna, ‘Il-Qassis li Rebaħ’, drammatizzazzjoni ta’ Joe W Psaila u direzzjoni artistika ta’ George Mizzi.  Prosit lill-atturi kollha li ħadu sehem.

Sadanittant dejjem fl-istess lejla u fl-istess ħin, pubbliku numeruż attenda għall-kunċert mużikali mlaqqam ‘Bach and Beyond’ bis-sehem ta’ żewġ solisti bravi li ġa semmejt iktar ‘l fuq.  Dawn daqqew bejniethom siltiet minn xogħlijiet magħrufa ta’ kompożituri famużi li kienu jinkludu lil Johann Sebastian Bach, Carl Philipp Emanuel Bach, Enrique Granados, Claude Debussy, Joseph Vella, Georges Bizet u Frederic Chopin.  Dan il-kunċert kien qed iġib fit-tmiem, sensiela ta’ kunċerti u attivitajoet mużikali bħala parti mill-Festival Music+. L-aħħar attivita se tkun tikkonsisti f’Kunferenza bil-Malti fic-Circolo Gozitano fi Pjazza Savina Victoria l-Gimgħa 9 ta’ Novembru li se tkun titratta l-Futur tal-Opra fil-gżejjer tagħna.

Kelma tal-aħħar; Prosit għal din l-attivita kollha fil-Belt Victoria imma ma naqbel xejn li l-affarijiet ma jsirux b’iktar ħsieb u ippjanar biex b’hekk kollox ikun jista’ jitgawda u l-organizzaturi jassikuraw attendenzi tajbin li ma jkunux imxerrda għax il-baħar xħin tqassmu jsir għadajjar, jgħid il-Malti.

Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex