Ma nafx u mhux se nistaqsi jekk Tumuluri ħax bonus ta’ €5 miljun – Scicluna

Ram Tumuluri

Read in English.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li hu qatt ma ltaqa’ u lanqas qatt ma nnegozja xejn mal-Kap Eżekuttiv tal-Vitals Ram Tumuluri. 

Illum ġie żvelat mill-MaltaToday li l-Kap Eżekuttiv tal-Vitals Global Healthcare, Ram Tumuluri, ħallas lilu nnifsu €5 miljun bħala bonus. Ġie rrappurtat ukoll li l-bonus kien kundizzjoni mniżżla fil-kuntratt tiegħu li kellu jitħallas tiegħu fit-tielet sena tiegħu bħala CEO.

Fl-aħħar sitt snin, il-Gvern Malti ta iżjed minn €300 miljun lill-VGH u mbagħad lil Steward Healthcare li ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet pubbliċi: l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa. L-eks Ministru Konrad Mizzi kien irranġa l-ftehim mal-Vitals meta kien Ministru tas-Saħħa.

Bejn VGH u Steward Healthcare kien hemm ftehim ta’ bejgħ li nżamm sigriet u li rriżulta fil-konċessjoni tat-tliet sptarijiet għal 99 sena, mibjugħin għal €1.

Meta kien qed jirrispondi mistoqsija supplementari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Scicluna qal li skont ir-regolamenti tal-bejgħ pubbliku, mhux kull negozjati għadhom isiru mill-Ministeru tal-Finanzi. 

Scicluna qal li ma jafx u mhux se jistaqsi jekk il-Kap Eżekuttiv Tumuluri tax lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljun. Żied jgħid li l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel il-Gvern hi li jikser xi ftehim u jkollu jidħol il-Qorti.

Huwa qal li skont l-aħħar kontijiet verifikati ta’ Steward Healthcare, li għadhom kemm ġew ippubblikati, il-fondi approvati mill-Parlament qed imorru għall-pagi uconsumables, bil-pagi jilħqu €54 miljun fis-sena.