“Ma nafux x’jiġri mill-prodotti tagħna fil-Pitkalija” – Bdiewa

L-infrastruttura u l-operat tal-Pitkalija huma fost l-iżjed żewġ affarijiet li jinkwetaw lill-bdiewa u lil dawk kollha involuti fis-settur tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix.
Dan ħareġ mir-rapport Agro Katina ppubblikat minn Friends of the Earth Malta u li jistudja l-produzzjoni tal-ħaxix u l-frott sakemm jaslu għand il-konsumatur u anke s-sitwazzjoni tas-settur agrikolu.
F’diversi intervisti li saru, bdiewa lmentaw li meta jieħdu l-prodott tagħhom il-Pitkalija, ma jibqagħlhom l-ebda kontroll u idea ta’ x’jiġri mill-prodott tagħhom.
Ħafna ilmentaw li l-ħxejjex u l-frott tagħhom jinbiegħu bix-xejn u parti minnhom jispiċċaw mormija, u għalhekk ix-xogħol u s-sagrifiċċji li għamlu jkun kollu għal xejn, ikompli r-rapport.
Kien hemm minn saħansitra qal li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn is-settur agrikolu sejjer lura hija s-sitwazzjoni  fil-Pitkalija u n-nuqqas ta’ attenzjoni u kura mogħtija lill-prodotti.
Iżda l-istess rapport jitkellem ma’ impjegati tal-Pitkalija li jisħqu li huma jżommu l-interess tal-bdiewa l-ewwel u qabel kollox u huma l-importaturi u dawk li jixtru bi kwantità kbira li qed ibaxxu l-prezzijiet u “jimbuttaw il-bidwi l-barra.”
“Tommna art tiswa €40,000 u biha lanqas tibda”
Ħafna urew ukoll it-tħassib tagħhom għall-fatt li l-età tal-bidwi dejjem qed tiżdied u saħqu li jekk mhux se jittieħdu passi u miżuri, se jasal żmien meta l-konsumatur Malti jkollu jiddependi għal kollox fuq prodotti impurtati.
“Jekk mhux se jittieħdu passi drastiċi, l-agrikoltura se tispiċċa biss settur ta’ passatament,” jikkwota r-rapport.
Jitkellem dwar il-fatt li s-settur ma għadux attraenti għaż-żgħażagħ li jridu jaħdmu full-time bħala bdiewa.
Fost oħrajn isemmi l-prezz ta’ tommna art, li llum tiswa bejn €20,000 u €40,000 u jisħaq li biex wieħed jibda negozju li jħallilu d-dħul tajjeb, irid ħafna iżjed minn tommna. Apparti minn hekk irid jixtri l-makkinarju.
“Tractor waħdu jiswielek €40,000” qal wieħed minn dawk intervistati.
“Jekk se nitilfu lill-bdiewa tagħna se nkunu tlifna lil dawk li kuljum jinsabu fil-kampanja tagħna jipproteġuha,” ikompli jikkwota r-rapport.
Nuqqas ta’ ilma u l-bidla fil-klima: "theddida ewlenija ta’ dan is-settur”
Il-kriżi tal-ilma u n-nixfa hija fost waħda mill-ikbar tħassib tal-bdiewa u dawk involuti fis-settur.
Ħafna innuttaw li l-perjodi ta’ nuqqas ta’ xita qed jiżdiedu u jitwalu u l-bidla fil-klima mhu qed tgħin xejn lill-bdiewa u l-produzzjoni tagħhom.
Kienu ħafna dawk li saħqu li għandu jkun hemm iżjed tagħrif dwar l-użu tajjeb u sostennibbli tal-ilma u l-bżonn li s-settur isir aktar speċjalizzat biex juża l-ilma aħjar u jirreżisti iżjed għan-nixfa.
Ir-rapport jinnota b’mod pożittiv miżuri li qed jittieħdu bħat-trattament addattat tal-ilma tad-drenaġġ biex ikun jista’ jintuża mill-bdiewa iżda jisħaq li hemm bżonn jittieħdu miżuri iżjed drastiċi u tingħata attenzjoni akbar lis-sitwazzjoni “prekarkja” tal-ilma.

Ritratt: Ian Noel Pace