“Ma naċċetta qatt nies li kważi jieħdu gost bit-traġedji li jseħħu”

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li filwaqt li tifhem lil min għandu sens ta’ biża’ mill-immigranti, ma taċċetta qatt nies li kważi jieħdu gost bit-traġedji li jseħħu. 
F'taħdita pubblika mal-anzjani mseħbin fil-General Workers' Union, il-President saħqet li għalkemm nassoċjaw l- immigrazzjoni ma’ nies li ġejjin mill-Afrika, hawn immigranti li ġejjin minn kull parti tal-Ewropa
Saħqet li l-imigrazzjoni tal-bniedem minn post għal ieħor hi parti min-natura umana, u ilu jagħmilha minn ewl id-dinja.
Fakkret meta l-Maltin kienu jemigraw u kemm kienet pożittiva li ġew aċċettati min-nies tal-post. Qalet li bl-istess mod illum għandna naċċettaw lill-immigranti fostna.
Spjegat kif iż-żgħażagħ Maltin kwalifikati jmorru jaħdmu barra minn Malta.
Żiedet tgħid li f'ċerti oqsma tax-xogħol fejn jinħass in-nuqqas ta’ ħaddiema Maltin, qed ikunu l-barranin li jimlew il-vojt. Semmiet ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali u qalet li dan ikkonferma li kien ta’ benefiċċju li f’pajjiżna kien hawn influss ta’ ħaddiema barranin għax dawn qed jgħinu biex tissaħħaħ issostenibilità tal-pensjonijiet.