“Ma ksirt l-ebda liġi” – l-organizzatur tal-bachelor party kontroversjali

Nigel Attard, l-organizzatur tal-bachelor party kontroversjali li nxtered filmat minnu li juri lil xi rġiel iwaddbu l-bajd liż-żeffiena magħrufa bħala l-Amerikana, qal li ma kisru l-ebda liġi b’dan l-aġir.

Attard kiteb fuq Facebook li huwa ma ħadha kontra ħadd li kkritikahom, iżda xtaq jiċċara l-affari, u għaldaqstant xerred messaġġi bejnu u bejn l-Amerikana li juru li hi ma ħaditx għaliha b’dak li ġara, għalkemm Attard skuża ruħu taċ-ċajt goff tiegħu u ta’ sħabu.

Qal li din ma kinitx l-ewwel darba li qabbdu lill-Amerikana għal xi bachelor party, u li ma kinitx l-ewwel darba li ssuttaw il-bajd. Din iċ-ċajta ssir bi qbil magħha minn qabel. Spjega li huma jittrattawha sew billi jagħtuha x’tiekol u x’tixrob meta tkun magħhom, ġieli ħallsulha taxi u tawha xi tips.

Żied jgħid li hija mhijiex stripper, peress li qatt ma neżgħet ħwejjiġha jew aġixxiet b’mod indiċenti. Xogħolha, skont Attard, huwa “li tiżfen, tiċċajta u taqbad mal-għarus u mal-bqija tan-nies.” Huwa qal li bħala entertainer, titħallas tajjeb ħafna għal xogħolha.

Attard temm jgħid li min jgħajjar lill-Amerikana “miġnuna” u “psikoloġikament mhux stabbli” ikun qed jittimbraha u jgħajjarha għalxejn. Lil hinn minn hekk, qal li surġent tal-pulizija mill-għassa tal-Belt Valletta ċempillu u infurmah li hu ma kiser l-ebda liġi, ladarba kollox sar bil-volontà tal-Amerikana.

Bhalma tafu, jiena wiehed mil-organizzaturi ta dak il-Bachelors Party fejn deru Gharus u mara (l-hekk imsejha l-…

Posted by Nigel Attard on Monday, August 19, 2019