“Ma ksirniex il-liġi” – Bar fi Spinola fejn ġew arrestati 6 persuni

Facebook: Happy Dayz Watersports Cafe & Wine Bar

L-istabbiliment tax-xorb li jumejn ilu sar arrest ta’ sitt persuni minn quddiemu insista li hu ma kien qed jikser l-ebda liġi.

Sitt persuni ġew arrestati f’San Ġiljan fil-15 ta’ Mejju wara li aggredew lill-uffiċjali tal-Pulizija hekk kif instabu fi grupp ta’ iktar minn 4 persuni quddiem stabbiliment tax-xorb. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10pm tal-Ġimgħa filgħaxija.

L-istabbiliment li jinsab fix-Xatt ta’ Spinola, kien miftuħ u kien hemm għadd ta’ persuni miġburin quddiemu. Il-Pulizija fi stqarrija qalet li anke fuq ġewwa kien miftuħ illegalment bi ksur ukoll tal-Avviż Legali. Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li tliet irġiel u tliet nisa, kollha Spanjoli, aggredew għall-Pulizija.

Intant, permezz ta’ post fuq Facebook, l-istabbiliment magħruf bħala Happy Dayz Bar qal li l-isnack bar kien qed jopera strettament fuq bażi ta’ take-away għall-ikel u x-xorb. Qal li fl-ebda punt ma ħalla lill-klijenti jidħlu jieklu jew jixorbu fil-propjetà tagħha. Qal li l-klijenti kienu qed jinqdew mill-bieb tal-istabbiliment. Intant, il-counter kien miksi bi protezzjoni tal-plastik u qal li assiguraw li jkun hemm distanza ta’ aktar minn metru bejn il-kaxxier u l-klijent.

L-istabbiliment insista li kellu wkoll hand sanitizer disponibbli biex jintuża’ minn kuħadd. Kien hemm notifika li kienet tiggwida lill-klijenti sabiex joqgħdu fi kju barra. Qal li dan fid-dawl tal-miżuri tas-social distancing.

L-istabbiliment qal li l-arrest ma kellu x’jaqsam xejn mal-bar. Qal li l-grupp ta’ sitt persuni kellhom mużika u xorb fil-karozza private tagħhom u kienu qiegħdin fuq art pubblika u mhux fl-istabbiliment.

Kif ġara l-każ?

Żewġt irġiel ta’ 35 sena u 24 sena kienu arrestat wara li ħebbew għal żewġ kuntistabbli tal-Pulizija, waqt li kien arrestat raġel ieħor ta’ 29 sena li ma kkoperax ukoll mal-Pulizija. Mara ta’ 36 sena kienet arrestata wara li mbuttat u kissret in-nuċċali ta’ Surġent tal-Pulizija, kif ukoll għamlet ħsara fuq apparat tar-radju tal-Pulizija u ħsara fuq il-vettura tal-Pulizija. Kienu arrestati wkoll mara ta’ 21 sena li bdiet issabbat mal-vettura tal-Pulizija u mara ta’ 23 sena li wkoll ma bdietx tikkopera mal-Pulizija u anke bdiet timbotta lill-istess Pulizija.

Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-RIU, bil-persuni kollha arrestati ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan. Waqt li kienu fl-Għassa u wara fid-Depot fil-Floriana, uħud minnhom komplew ikunu agressivi fil-konfront tal-Pulizija. Il-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti aktar ‘il quddiem.

Intant, il-Pulizija tkellmu wkoll mas-sidien tal-istabbiliment fejn ġew infurmati li se tinħareġ taħrika fil-konfront tal-istabbiliment hekk kif ma kellux permess biex jopera.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn