Aġġornata: Malti fil-Libja jgħid li ma kinux avżati biżżejjed qabel, il-Gvern jgħid li seta’ ġie kulħadd

Aġġornata 19:30
Dwar l-istqarrija ta' dan il-Malti fil-Libja, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal ma' Newsbook.com.mt li kull Malti li jinsab fil-Libja ġie kkuntattjat miċ-Ċentru ta' Kriżi fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Spjega li dawk il-Maltin li se jibqgħu l-Libja se jagħmlu dan b'għażla tagħhom. 
Aktar kmieni
Hekk kif aktar tard illum mistennija jiġu aktar Maltin mil-Libja, Malti li jinsab il-Libja qal li ma ġewx avżati kmieni biżżejjed.
Ilbieraħ il-Malti qal fuq Facebook, li kien ikun impossibbli li jinżel Malta llum “mat-titjiriet li l-Gvern qed joffri minn Al Abraq jew Mitiga fi Tripli.”
Spjega li lbieraħ ġie infurmat fit-tlieta ta’ waranofsinhar, meta skont hu suppost japplikaw għal titjira interna lejn Tripli tlett ijiem qabel. Sostna li “anke jekk issib min irid jaqdik mil-lum għal għada, fit-3pm tard wisq biex tivvjaġġa tlett sigħat għal għand id-dispatcher tal-airstrip bid-dokumenti meħtieġa, għax ikun għalaq.
Qal li biex wieħed jivjaġġa bil-karozza lejn Labraq irid 12-il siegħa, jew 16-il siegħa għal Tripli. Dan jekk wieħed jeskludi l-waqfien fil-postijiet ta’ kontroll.
Fuq Facebook, dan il-Malti qal li dan kollu qalu liċ-Ċentru ta’ Kriżi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.