Ma kiser l-ebda regola meta ltaqa’ ma’ sid 17 Black – Bord tal-Etika tal-PN

Il-Bord tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda li l-Membru Parlamentari Hermann Schiavone ma kiser l-ebda struzzjoni jew regola tal-partit meta ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, bil-għan li jiffinanzja konferenza tal-partit. Għaldaqstant il-Bord ma ħassx li kellu jirrakkomanda xi proċeduri ulterjuri fil-konfront ta’ Schiavone.

Kien fl-10 ta’ April 2019, li Schiavone ssospenda lilu nnifsu mill-partit, liema sospensjoni ġiet aċċettata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalita Adrian Delia. Il-każ imbagħad ġie riferut lill-Bord tal-Etika. Minn dakinhar, Schiavone, MP fuq il-Ħames Distrett, serva bħala Deputat indipendenti fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Aqra: Schiavone jitlob li jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari, Delia jilqa’ t-talba

F’ittra li kien bagħat lil Adrian Delia, Schiavone talab li l-aġir tiegħu jiġi investigat, u spjega li l-MP Kristy Debono, li kienet miegħu, ma kellhiex idea li kienu se jiltaqgħu ma’ Fenech. Delia kien qal li ma kienx jaf b’dan.

AQRA: 17 Black: Delia jgħid li ma kienx jaf bil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech

Il-kumpanija 17 Black, għandha rabtiet mal-kumpaniji fil-Panama tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

“Ma kienx hemm intenzjonijiet ħżiena”

Fi stqarrija maħruġa llejla, il-PN qal li l-Bord ikkonkluda li filwaqt li f’dan il-każ lanqas ma kien hemm intenzjonijiet ħżiena, dan kien każ ta nuqqas ta’ sens ta’ ġudizzju.  Il-Bord irrakkomanda li l-passi tal-prudenza jiġu dejjem segwiti.

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit, fil-laqgħa tiegħu llum, aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Etika u informa l-Kumitat Eżekuttiv bid-deċiżjoni tiegħu.