Ma kinux obbligati jaqbżu l-baħar biex isalvaw il-kelba

L-uffiċjali tal-Animal Welfare li ġew sospiżi wara l-mewt tal-kelba fix-Xatt tal-Marsa, jidher li ma kinux obbligati jaqbżu l-baħar biex isalvaw il-kelba.
Sorsi qrib id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali qalu ma’  Newsbook.com.mt li hi prassi li fil-qadi ta’ dmirijiethom l-uffiċjali tal-Animal Welfare ma jaqbżux il-baħar, anke fuq struzzjonijiet mis-superjuri tagħhom, għax ma jkunux koperti bil-kuntratt ta’ xogħolhom. Lanqas ma huma mgħammra b’dinghies u lbies apposta.
Is-sorsi qalu li fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hemm nuqqas serju ta’ maniġment u li bħala uffiċjali saħansitra qed jiġu ngaġġati persuni li jibżgħu mill-klieb (“tkexkex jersaq fuq kelba hekk kif nejbitlu daqsxejn”) u bla idea dwar x’jinkludi l-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali.
Fil-proċess tar-reklutaġġ, jidher li ma tingħatax importanza lill-kapaċitajiet tagħhom u l-vokazzjoni li jaħdmu qrib l-annimali, u jiġu assessjati biss dwar it-teorija.
Żiedu jgħidu li wħud jidħlu bħala uffiċjali tal-Animal Welfare, mingħajr ma ssirilhom interview, għax ikunu jafu lil xi ħadd fil-poter u biex jiksbu post mal-Gvern u b’paga attraenti.
Barra minn hekk jidher li l-uffiċjali ma jingħatawx biżżejjed taħriġ biex ikunu jistgħu jsalvaw l-annimali, u li jkollhom jitgħallmu bl-esperjenza dwar kif jużaw il-catcher u l-kopp li jkollhom fl-ambulanza.
Lanqas ma jiġu infurmati u gwidati dwar l-iStandard Operating Procedures (SOP) li għandhom iservu bħala linji gwida.
Infurmati wkoll li f’ċertu każi, l-uffiċjali għandhom jagħmlu kuntatt mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistihom. Madanakollu jkun hemm ċirkostanzi fejn l-annimal imut għax il-membru tad-DPĊ mhux fid-dmir li jmiss il-kelb jew qattus. Hu mifhum li hemm nuqqas ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ dipartimenti.
Newsbook.com.mt infurmat ukoll li l-uffiċjali fil-każ tal-mewt tal-kelba l-ġimgħa li għaddiet, huma esperjenzati u ilhom jagħmlu parti mid-Direttorat minn meta twaqqaf.
Sorsi qrib id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali qalu ma’ Newsbook.com.mt li għalkemm ma kinux fid-dmir li jaqbżu għal kelba, kien hemm affarijiet oħra li setgħu jagħmlu.