“Ma kinitx faċli li nkunu ġo grupp f’X Factor” – Reign

Filwaqt li l-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta qed toqrob lejn il-live shows, fl-aħħar ġimagħtejn rajna wkoll il-fażi tal-Judges Houses fejn bosta artisti spiċċaw eliminati mill-kompetizzjoni.

Fost dawn insibu l-grupp Reign li kkummentaw kemm ma kienx faċli għalihom li jkunu fi grupp.

“Fuq l-X Factor ikun hemm fatturi li jillimitawk biex inti tkun tista’ tagħti l-potenzjal kollu tiegħek. Din hija iktar evidenti ġol-gruppi għaliex m’għandekx biss persuna waħda li diġà għandha repertorju tagħha, imma grupp ta’ nies li qabel il-kompetizzjoni qatt ma’ ltaqgħu flimkien u li issa tpoġġew ġo sitwazzjoni fejn iridu juru front wieħed. Qabel biss toħloq xi ħaġa mużikali trid issir taf lil xulxin, tidra l-karattri u anke ssib l-aspett mużikali komuni bejn kulħadd. Din mhiex faċli speċjalment taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u fi żmien qasir ħafna,” ikkummentaw huma.

Minkejja li ġew eliminati mill-kompetizzjoni, Reign xorta waħda ħassew biex f’dawn il-ġranet iniedu vidjow mużikali.

“Peress li konna fi żmien il-Milied xtaqna noħolqu storja li ġiet ispirata mit-tfulija tagħna, ħabba li t-tfal u din il-festa jmorru id f’id. Xtaqna nuru lill-pubbliku aspett personali tagħna u kif wasalna nħobbu l-mużika. Meta bdejna naħdmu fuq dan il-proġett kollha sibna komuni li żmien l-iskola kien żmien sensittiv għalina u anki kelna esperjenzi mhux daqshekk sbieħ, iżda kienu wkoll mumenti li ħeġġuna nsibu kenn fil-mużika,” qalulna.

Fuq dan il-proġett kellhom tim li kien jinkludi nies bħal Karl Alin li kien il-moħħ wara l-idea, Luke Grech li bena d-diska, Kurt Cauchi li ħa ħsieb l-istampa u Claire Mc Cartin li organizzat il-kor tat-tfal.

“Qatt ma stennejna li kien se jkollna daqshekk sapport. Anke l-ġenituri tat-tfal urew entużjazmu kbir li mingħajr ħsieb ukoll spiċċaw ħadu sehem kemm fir-rikording tad-diska kif ukoll fil-vidjow!” żiedu jgħidulna.

Qalu wkoll li xtaqu jieħdu l-ħin biex isaħħu l-ħbiberijja tagħhom flimkien u jibnu l-karrieri tagħhom fix-xena mużikali, anki bħala solisti.

“Bħalissa ninstabu mdawwrin b’nies li jemmnu fina u lesti li jgħinuna, għalhekk dejjem għandna l-opportunità biex nerġgħu noħolqu proġett bħal dan. Vera ħerqanin biex naraw x’hemm jistennina fis-sena li għadha kif bdiet u nisperaw li fil-jiem tal-festi rnexxielna noħolqu tbissima fuq wiċċ il-pubbliku bil-vidjow li ħriġna.