Filmat: “Ma kienx jaf jitkellem bl-Ingliż; issa għandu l-Masters” – Fr Savio

Mark*, żagħżugħ barrani li wara ħafna tbatija wasal Malta u lanqas kien jaf jitkellem bl-Ingliż, issa għandu l-Masters.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt id-direttur ta’ Dar Osanna Pia Fr Savio Vella, li spjega li b’ħafna determinazzjoni u bl-għajnuna tas-Salesjani, iż-żagħżugħ seta’ jħares ‘il quddiem.

Fisser kif Mark kompla jistudja, daħal l-Università u ma ġabx biss l-ewwel degree imma wkoll Masters. Żied jgħid li llum il-ġurnata Mark għandu l-familja tiegħu stess.

Id-Direttur irrimarka kif din l-istorja hija waħda fost il-ħafna stejjer ta’ suċċess li jkollhom f’Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margerita, immexxija mis-Salesjani ta’ Don Bosco. Dawn id-djar jilqgħu ġuvintur ta’ bejn is-16 u l-25 sena, li jkunu għaddew minn esperjenzi differenti, fosthom immigranti li jiġu waħedhom ifittxu kenn f’Malta.

“Qatt m’għandna nibqgħu lura milli ngħinu lill-batut, speċjalment liż-żgħażagħ li qegħdin jitħabtu biex jibnu ħajjithom”, żied jgħid . Huwa kompla billi qali li dan ix-xogħol li jsir maż-żgħażagħ iwassal għal soċjetà aktar b’saħħitha.

*Mark huwa isem fittizju