“Ma kienx hemm trażmissjonijiet tal-virus bejn l-istudenti fl-iskejjel” – Prof. Gauci

children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li ma kienx hemm trażmissjonijiet kbar tal-coronavirus fl-iskejjel u ma kienx hemm studenti li ħadu l-virus mingħand xulxin.

Waqt l-aġġornament li tagħmel kull nhar ta’ Ġimgħa, qalet li kien hemm xi każijiet fejn il-virus ittieħed bejn il-ħaddiema u dawn il-każijiet huma inklużi fit-taqsima tal-postijiet tax-xogħol meta tiġi ppubblikata l-istatistika mill-Ministeru tas-Saħħa ta’ kuljum. Stqarret iżda, li l-virus għadu ma ġiex trażmess minn student għall-ieħor fil-primarja jew fis-sekondarja.

Hija qalet li tapprezza l-miżuri meħudin mill-edukaturi u mill-iskejjel sabiex l-imxija tal-coronavirus tkun waħda mrażżna. Appellat lill-ġenituri biex jekk uliedhom ikunu jidhru ma jifilħux, dawn jibqgħu d-dar.

U fl-iskola primarja tal-Mosta?

Wara li xi sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li kien hemm student li ħa l-virus mingħand għalliem fl-Iskola Primarja B tal-Mosta, din il-kamra tal-aħbarijiet staqsiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq hekk u hu ċaħad dan.

Kelliem għall-Ministeru spjega li l-Iskola Primarja B tal-Mosta tilqa’ fiha 360 student, 70 edukatur u disa’ ħaddiema oħra tal-istaff. Edukatur u student instab li għandhom il-Covid-19. 

“L-iskola mxiet mal-protokolli kollha u id f’id mal-awtoritajiet tas-saħħa. Ħames studenti u l-familji tagħhom jinsabu kwarantina. Ma hemm ebda edukatur ieħor kwarantina. Ma jidhirx, mill-fatti li huma a konjizzjoni taghna, li t-trażmissjoni tal-virus saret fl-iskola.”