Ma kienx hemm ksur tal-liġi fl-aġir tas-Sindku ta’ Wied il-Għajn

Il-Bord tal-Governanza Lokali ddikjara li s-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja u l-Kunsill Lokali ma wettqu l-ebda aġir li jmur kontra l-liġi jew li mhux skont l-etika meta talbu lil iżviluppaturi tal-Università Amerikana fiż-Żonqor biex jgħinu fil-bini amministrattiv tal-Kunsill għal-lokalità.
Il-Bord tal-Governanza Lokali wasal għal din id-deċiżjoni wara li rċieva stqarrija ffirmata mis-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv kif ukoll numru ta’ artikli minn siti tal-aħbarijiet li pprovda l-Front Ħarsien ODZ.
Il-Bord tal-Governanza kkonkluda li ma kienx hemm gwadann personali fit-talba li s-Sindku għamel lill-iżviluppaturi għaliex bil-bini ta’ uffiċini ġodda se jgawdu r-residenti tal-lokalità.
Jingħad li lanqas kienet kwistjoni ta’ donazzjoni jew tixħim għaliex il-bini tal-uffiċċji huwa suġġett għall-ħruġ tal-permessi mill-MEPA.
Il-Bord qal li l-ħruġ tal-permessi huwa proċess awtonomu u li fuqu l-Kunsill m’għandux kontroll.
Fl-istess konklużjonijiet, il-Bord tal-Governanza jirrimarka li fit-18 ta’ Mejju, il-Kunsill Lokali kien ħa pożizzjoni favur il-bini tal-Università Amerikana fil-lokalità u kif fil-laqgħa tas-16 ta’ Novembru kien ingħata rendikont sħiħ tal-laqgħa li saret mal-iżviluppatur Yusef Al Haroub, fejn issemma l-bini tal-uffiċċju amministrattiv għall-Kunsill.
Intqal li għal din il-laqgħa, is-Segretarju Eżekuttiv informa lill-Kunsillieri kollha u għalkemm ħadd ma infurmah lura li ma setax jattendi, kien hemm minnhom li ma attendewx.
Il-Bord qal li s-Sindku kien fil-parametri tal-liġi meta ppropona lill-iżviluppaturi Sadeen għall-għajnuna lill-Kunsill fil-forma ta’ planning gain u li mexa korrett meta nforma lill-Kunsillieri kollha b’dak li kien ġie diskuss.
Ġie rrimarkat kif fil-laqgħa tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru, il-Kunsillieri kellhom iċ-ċans li jesprimu l-veduti tagħhom u kif ħadd ma wera diżapprovazzjoni għal dak li rrapporta s-Sindku.  
Fit-2 ta’ Diċembru li għadda, il-Front Ħarsien ODZ kien talab lill-Bord biex jinvestiga r-rapporti li dehru fil-midja dwar it-talba li saret mis-Sindku ta’ Wied il-Għajn lill-iżviluppaturi Sadeen biex jinbena dan il-bini amministrattiv għall-Kunsill Lokali.
Il-Bord iżda kien informa lill-Front li huwa kien diġà beda jinvestiga l-każ qabel ma waslitlu t-talba formali.

Reazzjoni Partit Laburista
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li d-deċiżjoni tal-bord tal-governanza lokali mhux biss ikkonfermat li s-Sindku m’għamel xejn ħażin, iżda li issa hemm konferma li Simon Busuttil ma jridx li l-Iskalin igawdu minn investiment f’dik in-naħa ta’ Malta.
Qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni attakka l-investiment b’kull mod possibbli, iżda dejjem sab l-ikbar ostaklu quddiemu, li hu li n-nies kollha tan-naħa t’isfel ta’ Malta fl-aħħar qed jaraw investiment sostenibbli li se jkun ta’ ġid għalihom u għal uliedhom.