Aġġornata: Bartolo jgħid li ma kienx hemm firem invalidi; Il-PN imerih

Ivan Bartolo, Emma Portelli Bonnici, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo u Martin Musumeci qalu fi stqarrija li fil-petizzjoni li tressqet lill-Kunsill Ġenerali biex isir Kunsill Ġenerali Straordinarju ma kien hemm l-ebda firma invalida, għall-kuntrarju ta’ dak li ħabbret il-President tal-Kunsill Kristy Debono, meta lbieraħ ħabbret li 84 minn 200 firma li nġabru biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali Straordinarju huma invalidi jew il-persuna m’għandhiex sħubija aġġornata. Fi stqarrija maħruġa wara dik ta’ dawn il-ħamsa, il-Partit Nazzjonalista kkonferma mill-ġdid li 84 firma mill-200 li kien hemm, kienu invalidi.

Aqra: Petizzjoni PN: “Jinbeda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali” – Debono

Fl-istqarrija, dawn laqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, il-Kunsill Ġenerali tal-Partit se jsir wara talba li saret minn aktar minn 150 membru tiegħu. Qalu li permezz ta’ dan, “sa fl-aħħar l-affarijiet se jibdew jiċċaqalqu, ma nibqgħux imwaħħlin fl-‘istatus quo’ u jibdew isiru l-bidliet li hemm bżonn.”

Dwar il-firem allegatament invalidi, spjegaw li rriżulta li fost il-persuni li għamlu t-talba, kien hemm 23 membru tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li tneħħielhom id-dritt tal-vot mingħajr ma ġew infurmati. Qalu li kull wieħed mit-23 membru tal-Kunsill Ġenerali se jivverifika mal-Kumitat Sezzjonali tagħhom dwar meta u kif tneħħielhom id-dritt tal-vot. 

Aqra: Filmat: Il-petizzjoni b’200 firma tal-Kunsilliera tal-PN ippreżentata lill-Partit

Fir-rigward tal-membri tal-Kunsill Ġenerali li l-President tal-Kunsill Ġenerali ġibdet l- attenzjoni dwar il-ħlas tat-tessera tagħhom għal din is-sena, fl-istqarrija Bartolo, Portelli Bonnici, Sammut, Bartolo u Musumeci saħqu li dawn l-istess persuni għandhom żmien sal-aħħar tas-sena biex iħallsuha, u wħud minnhom kienu għadhom lanqas ġew ikkuntattjati biex iġedduha. Ikkonkludew, għalhekk, li m’hemm l-ebda raġuni valida biex b’deċiżjoni arbitrarja ta’ xi uffiċjal u/jew impjegat tal-Partit dawn l-istess persuni jiġu esklużi milli jkunu membri tal-Kunsill Ġenerali jew li jitneħħielhom id-dritt tal-vot. 

Aqra: Biżżejjed firem biex Delia jaffaċċja vot ta’ fiduċja

Żiedu jgħidu li numru sostanzjali minn dawn il-persuni diġà għamlu kuntatt magħhom u tawhom l-irċevuta li turi li diġà kienu ħallsu t-tessera tagħhom għas-sena 2019. Qali li dan ikompli jikkonferma kif l-informazzjoni u l-listi tal-Partit qed jinżammu fi stat diżorganizzat li jagħti lok ta’ abbuż.

Aqra: Filmat: “Ma kienx hemm ħtieġa li nitlob vot ta’ fiduċja” – Delia

Skonthom, talba leġittima magħmula skont l-istatut tal-Partit biex jissejjaħ u jinżamm Kunsill Ġenerali spiċċat tintuża mill-ogħla uffiċjali tal-Partit biex jippruvaw jiskreditaw l-għeruq tal-Partit, u dan hu ta’ diżappunt għalihom. Qalu li jistennew li l-Kumitat Eżekuttiv jiltaqa’ b’mod urġenti biex jistabbilixxu d-data tal-Kunsill Ġenerali u biex dakinhar jittieħed vot sigriet dwar il-mistoqsija li pproponew aktar minn 150 kunsillier tal-Partit.

Ir-risposta tal-PN

Fl-istqarrija li ħareġ bħala tweġiba għal dan, il-Partit Nazzjonalista elenka erba’ punti ewlenin:

  1. 55 persuna li ffirmat ħallsu t-tessera l-aħħar fl-2017 jew fl-2018, bi tlieta minnhom l-istess membri li kienu fost il-ħamsa li ppreżentaw il-petizzjoni b’konferenza stampa. Sostnew li l-istatut jgħid ċar li “min ma jibqax tesserat fil-Partit jispiċċa awtomatikament minn kull kariga li jkollu fil-partit.”
  2. 23 membri ma kellhomx dritt jiffirmaw bħala Kunsilliera għax mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali.
  3. Ħames firem ma kinux validi dawk li ffirmaw kienu rrifjutaw li jħallsu t-tessera kif mitlub minnhom, allura ma baqgħux jitqiesu membri.
  4. Kien hemm każ wieħed li l-isem u l-kunjom tal-persuna ma qablux mal-karta tal-identità.

Il-PN temm l-istqarrija mhux iffirmata jgħid li jibqa’ jgħożż il-valuri tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni.