Ma kellix għażla oħra milli nitkellem mal-Labour dwar Brexit – May

Credit: Sky News

Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May insistiet li kellha titkellem mal-Partit Laburista sabiex forsi jintlaħaq ftehim addattat u appoġġjat mill-maġġoranza qabel ma tirriskja li titlef l-opportunità li jiġi ffinalizzat ftehim.

Hi u titkellem tard ilbieraħ filgħaxija, May qalet li kien hemm għażla importanti xi ssir, li l-pajjiż jitlaq mill-Unjoni Ewropea bi ftehim, jew inkella jibqa’ jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea. Dan wara li għadd ta’ Konservattivi kkritikawha talli fittxet l-għajnuna tal-Partit Laburista wara li l-Membri Parlamentari vvutaw kontra l-ftehim tagħha propju tliet darbiet wara xulxin.

Wara tliet ijiem ta’ diskussjonijiet bejn il-partiti, dawn twaqqfu l-Ġimgħa wara li xorta baqa’ ma ntlaħaqx ftehim. Il-mexxej tal-Labour, Jeremy Corbyn qal li hu kien qed jistenna li jara l-punti l-aktar inkwetanti għalih jinbidlu għall-aħjar, madanakollu insista li kien ċar li l-pożizzjoni tal-Gvern ma kinitx se tinbidel.

Intant, Corbyn qed issir pressjoni fuqu mill-Membri Parlamentari tiegħu sabiex jitlob għal referendum dwar il-ftehim li jiġi maqbul. Dan wassal għal ittra ffirmata minn 80 MP li tgħid li vot pubbliku għandu jkun l-aspett finali ta’ dawn in-negozjati.

Hi u titkellem, May qalet li wara li għamlet dak kollu fil-poter tagħha sabiex tipperswadi l-partit tagħha sabiex japprova l-ftehim kellha tieħu pożizzjoni differenti. Qalet li għalhekk kien hemm bżonn li tibda tindirizza lill-Oppożizzjoni għax kienu qed jaqblu li hemm bżonn ikun hemm protezzjoni fuq l-impjieg u moviment liberu.

Ir-Renju Unit mistenni jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-12 t’April, madanakollu l-ftehim għal dan għadu ma ġiex approvat mill-House of Commons. Din il-ġimgħa, May se tkun qed titlob lil Brussell għal estensjoni sat-30 ta’ Ġunju, bil-possbilità ta’ ħruġ aktar kmieni jekk jintlaħaq ftehim.