​“Ma kellix ċans naħseb dwar id-Deputat Mexxej minħabba l-Airmalta”

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li fl-aħħar jiem ma kellux ċans jaħseb dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL, minħabba li kien iffukat fuq il-kwistjoni tal-Airmalta.
F’intervent dalgħodu fil-programm Newsbook fuq RTK, il-Ministru Zammit Lewis sostna li huwa lest iservi kullimkien fi ħdan il-Partit Laburista. Fl-istess waqt semma li se jkun qed isegwi din is-sitwazzjoni mill-qrib u qal li japprezza l-għexieren ta’ messaġġi li qed jirċievi biex iħeġġuh jikkontesta għal din il-kariga. Madankollu saħaq li se jiddeċiedi dwar dan “fil-mument opportun”.
Iktar kmieni fl-intervent tiegħu, meta mistoqsi dwar il-ftehim tal-Airmalta li tħabbar din il-ġimgħa mal-Alitalia, qal li jqabbel dan ma’ atleta li għamel l-ewwel mil minn maratona.
Semma kif f’dawn in-negozjati, qed jintużaw l-aqwa riżorsi ta’ Malta, fosthom il-President Emeritu George Abela.
Spjega li sal-aħħar ta’ Lulju li ġej, irid jingħalaq il-ftehim finali bil-għan li mis-sena d-dieħla il-kumpanija tibda tagħmel profitt.
Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li l-kwistjonijiet marbuta mal-ħaddiema tal-Airmalta huma wkoll importanti iżda jinsab fiduċjuż li dan il-ftehim se joffrilhom opportunitajiet ġodda. 
Iktar kmieni dalgħodu wkoll, il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li mhuwiex interessat jikkontesta għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.