Ma jweġibx dwar l-impatt ta’ proġetti kbar fuq il-ħajja tal-Maltin

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti ma weġibx dwar jekk il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin hiex se tinbidel kawża tal-proġetti kbar li qiegħdin jiġu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Minflok, huwa kkwota stħarriġ tal-Ewrobarometru li jgħid li 90% tal-Maltin iħossu li l-kwalità tal-ħajja tjiebet.
Chetcuti kien qed iwieġeb għall-kummenti u l-mistoqsijiet waqt il-programm Newsline fuq RTK li fih ħa sehem ukoll il-Professur Paul Pace, membru tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.
"Ma tistax tagħmel passi ikbar minnek"
Pace qal li “wieħed ma jistax jagħmel passi ikbar minnu f’dak li għandu x’jaqsam żvilupp. Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent għadha kemm ħarġet stqarrija li ssemmi l-impatt negattiv ta’ tliet proġetti kbar inkluż dawk tal-Fortina, Mercury House u l-Bajja ta’ San Ġorġ.
Dwar l-iżvilupp tal-lukanda Fortina, Pace qal li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mhux qed tagħti każ l-impatt li dan il-proġett jista’ iħalli fuq ir-residenti. Spjega wkoll kif il-Kummissjoni appoġġjat l-appell tal-Kunsill Lokali tas-Sliema biex ikun hemm Traffic Impact Assessment u Social Impact Assessment, żewġ rapporti li ma ġewx sottomessi mal-awtoritajiet.
Mistoqsi jekk dawn humiex kollha burokrazija, Pace, li huwa wkoll akkademiku ewlieni fil-qasam tal-ambjent, jisħaq li għandhom isiru biex fi kliemu “nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar”.
Intant, Sandro Chetcuti qal li l-iżviluppaturi fi ħdan l-assoċjazzjoni huma “favur ir-regolamenti u kontra kull tip ta’ abbuż”.
"L-iżviluppatur jinvesti l-flus fejn jgħidulu li jista’ jaħdem”
Fl-ispjegazzjoni tiegħu, Chetcuti jisħaq li li “l-politika dwar l-ippjanar issir mill-Awtorità tal-Ippjanar u għaldaqstant, l-iżviluppatur jinvesti l-flus fejn jgħidulu li jista’ jaħdem”.
Qal li l-Gvern minn żmien għal żmien joħroġ il-politika tiegħu għall-konsultazzjoni u kien hawn fejn allega li “ħafna nies li jgergru lanqas jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni”.
Temm jgħid li kuntrarju għall-oppożizzjoni li qed issir għal bini għoli, id-domanda għal dawn it-tipi ta’ appartamenti hija għolja u qed jinxtraw anke fuq il-pjanta.
Tista' tisma' l-intervista sħiħa li saret mal-Professur Paul Pace u Sandro Chetcuti waqt il-programm Newsline hawnhekk.