Aġġornata: Il-PA tiċħad dak li qal l-attivist; “keċċejnieh għax ma weriex rispett”

L-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet dak li qal l-attivist Robert Louis Fenech aktar kmieni llum, li sostna li tkeċċa minn laqgħa tal-awtorità għax ma sejjaħx liċ-Ċermen tal-ERA bit-titlu tiegħu, u enfasizzat li talbet l-għajnuna tal-Pulizija biex joħorġuh għax ma żammx mar-regoli tal-laqgħa u beda juri diżrispett lejn ħaddieħor.
Il-PA żiedet tgħid li kemm l-uffiċjali tal-awtorità u anki n-nies preżenti jistgħu jikkonfermaw dan.
Irrimarkat li sejħet għall-għajnuna tal-Pulizija wara li l-attivist ma riedx jitlaq meta kien mitlub korteżement.
L-istqarrija tal-PA ittemm tgħid li l-azzjoni li kellha tieħu ma kinitx immirata lejn il-libertà tal-espressjoni, iżda lejn l-aġir diżrispettuż tal-attivist.
Waqt il-laqgħa l-Pulizija flimkien ma’ numru ta’ karozzi tal-Rapid Intervention Unit (RIU) intalbu jintervjenu wara li żagħżugħ ambjentalista qal li naqas milli jsejjaħ liċ-ċerperson tal- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Victor Axiak, bit-titlu tiegħu ta’ professur.
Robert Louis Fenech esprima d-diżappunt tiegħu fuq Facebook hekk kif spjega li kien assurd li erba’ karozzi tal-RIU, u aktar minn 10 pulizija issejjħu miċ-ċermen tal-Awtorità tal-Ippjanar, Vince Cassar, għax irrefera għal Axiak b’ismu minflok bit-titlu tiegħu.
Fl-istess messaġġ, Fenech saħaq li dan seħħ filwat li Konrad Mizzi għadu jokkupa siġġu fil-Parlament.

Minħabba din is-sitwazzjoni, jidher li l-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar ġiet sospoża għal madwar 40 minuta.
Id-diskussjonijiet li kienu għaddejja kienu qed jiffukaw fuq l-iżvilupp propost għal lukanda fil-bajja tal-Kalanka f’Delimara.
Filmat tal-każ ittella fuq il-midja soċjali.