Ma jridx jiltaqa’ mal-MEPs b’filmat, imma wiċċ imb wiċċ

L-Eks-Kummissarju Ewropew u eks-Ministru għall-Finanzi, John Dalli, m’aċċettax li jitkellem mad-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li ġiet biex tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta f’Diċembru li għadda permess ta’ filmat, għax dak li jrid jgħidilhom jixtieq jgħidulhom wiċċ imb wiċċ.
Ix-xahar li għadda, l-Ewroparlamentari li mexxiet id-delegazzjoni PANA/LIBE, Ana Gomes, qalet lil Newsbook.com.mt li Dalli bagħtilhom ittra biex jagħtihom xi informazzjoni dwar dak li ġew biex josservaw f’Malta.
Fost l-oħrajn, wara ż-żjara d-delegazzjoni kienet ħejjiet rapport li fih irrakkomandat li dawk il-politiċi li nkixfu mill-Panama Papers, inkella dawk li ssemmew f’rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) b’allegazzjonijiet serji, jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom.
Meta Newsbook.com.mt tkellem mas-Soċjalista Portugiża Gomes, din irreferiet għal Dalli meta staqsiet għala kien spiċċa konsulent tal-Gvern wara li kellu jirriżenja minn Kummissarju Ewropew wara rapport mill-FIAU u investigazzjoni mill-OLAF dwar tixħim ta’ flus.
Madankollu Dalli kien talab li jiltaqa’ mad-delegazzjoni, iżda meta talbuh jgħaddilhom l-informazzjoni permezz ta’ filmat dirett, Dalli ppospona l-laqgħa għax xtaq jiltaqa’ magħhom wiċċ imb wiċċ.
Gomes qalet li d-delegazzjoni għadha qed tipprova tiftiehem data u ħin meta se jiltaqgħu ma’ Dalli, u għadhom mhux ċerti l-laqgħa ssirx fiż-żmien li ġej.
Sadanittant, erbat ijiem ilu Newsbook.com.mt staqsa lil John Dalli jikkofermax dak li qalet l-Ewroparlamentari, u ta’ liema tip ta’ natura hu dak li jixtieq jgħidilhom.
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni għadna ma rċevejniex tweġiba.