Filmat: Ma jridx jieħu l-vaċċin għax qal li “imniġġes b’materjal abortit”

X’tgħallem il-Knisja dwar il-vaċċin?

Read in English.

Qarrej ta’ Newsbook.com.mt kiteb biex jgħid li hu mhux se jieħu l-vaċċin għax, skont  hu, dan il-vaċċin huwa mniġġes b’materjal abortit. Huwa staqsa x’tgħallem il-Knisja.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Rev. Dr Carlo Calleja, lettur tat-teoloġija morali fl-Università ta’ Malta, biex jara x’pożizzjoni qed tieħu l-Knisja dwar dan is-suġġett.

Fr Calleja qalilna li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ppubblikat dokument li fih iddikjarat ċar u tond illi ma hemm l-ebda problema jew restrizzjoni morali li jittieħed il-vaċċin li ġie approvat mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika. Il-Papa Franġisku nnifsu approva din id-deċiżjoni.

“Dan ifisser”, qalilna l-lettur tat-teoloġija morali “li kulħadd jista’ jieħu l-vaċċin b’kuxjenza kwieta għal kollox”.

Fr Calleja nnota illi l-mistoqsija li għamel il-qarrej ta’ Newsbook.com.mt saret minn ħafna oħrajn f’divesi pajjiżi peress li sar magħruf li kienu ntużaw xi ċelloli minn żewġ feti li kienu abortiti fis-Sittinijiet.

Huwa qal li d-dikjarazzjoni tal-Knisja tagħmilha ċara li:

  • L-użu ta’ dawn il-vaċċini ma jikkostitwix koperazzjoni formali mal-abort li minnu ttieħdu ċ-ċelloli.
  • Illi meta ma jkunx hemm vaċċini oħrajn ikun moralment aċċettabbli li tieħu dawn il-vaċċini.
  • It-tip ta’ koperazzjoni f’dan il-każ hija remota u passiva u allura jista’ jittieħed il-vaċċin la hemm periklu gravi ta’ tixrid ta’ din il-pandemija.

Hemm obbligu li jittieħed il-vaċċin?

Fr Calleja qal li xejn f’dak li hemm fid-dokument tal-Kongregazzjoni ma jista’ jitqies bħala approvazzjoni tal-abort.

“L-abort xorta waħda għadu kkundannat u lanqas ma jista’ jingħad li hemm xi approvazzjoni li jintużaw il-feti għall-esperimentazzjoni”, qal Fr Calleja.

Huwa żied jgħid li hemm obbligu morali li wieħed jieħu ħsieb saħħtu u saħħet ħaddieħor u li jitħares il-ġid komuni.

“Jista’ jkun li minkejja li l-Knisja qed tgħid li wieħed jista’ jieħu l-vaċċin jista’ jkun hemm min xorta waħda jħoss fil-kuxjenza li ma għandux jagħmel dan. F’dan il-każ din il-persuna xorta tkun obbligata li tieħu l-prekawzjonijiet kollha biex la tiġi infettata hi u lanqas tinfetta lil xi ħaddieħor”, qal Fr Calleja.

Huwa kkonkluda billi fakkar fil-kumment tal-Kongregazzjoni li l-industrija farmaċewtika kif ukoll il-gvernijiet għandhom l-obbligu li jaraw li l-pajjiżi fqar ikollhom aċċess sħiħ għall-vaċċin għall-popli tagħhom.