“Ma jridx investigazzjoni għax l-iskandlu wettqu l-partit tiegħu” – Owen Bonnici

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, u d-Deputat Laburista, Michael Falzon, qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, ma jridx li ssir investigazzjoni dwar skandlu li jibda u jispiċċa bil-partit tiegħu.
Huma kienu qed jirreferu għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista (PN) maħruġa aktar kmieni llum, li fiha l-PN jgħid li rċieva ittra mibgħuta minn erba’ Kummissjonarji Elettorali lill-President ta’ Malta, li fiha jsostnu li b’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni Elettorali se tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-każ jinkludi l-allegazzjonijiet li għamel il-Grupp db, li d-donazzjonijiet li ta lill-PN kienu saru f’forma ta’ ħlas b’fatturi maħruġa mill-kumpanija tal-midja tal-PN, Media.Link.
Bonnici kompla billi qal li Busuttil quddiem il-ġurnalisti jgħid li m’għandux problema li l-partit tiegħu jiġi investigat, imbagħad meta ra li se tibda l-investigazzjoni qed jagħmel minn kollox biex iwaqqafha.
Huwa qal li din hija karatteristika ta’ Busuttil, li jattakka lil kull entità li ma ddoqqx id-diska tiegħu, bħalma għamel mal-Qorti, mal-Awtorità tax-Xandir, mal-Avukat Ġenerali, mal-Armata u mal-Pulizija.
“Il-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni Elettorali mqabbda minn Joseph Muscat”
B’reazzjoni għall-istqarrija tal-Partit Laburista (PL), il-PN qal li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, irid jagħmilha ta’ mħallef fuq kollox u kulħadd.
Il-PN ddefenda dak li lmenta dwaru fuq il-Kummissjoni Elettorali billi qal li Muscat għamel ħerba mill-istituzzjonijiet indipendenti tal-pajjiż kemm ilu mexxej tiegħu.