Aġġornata: ​Ma jridux siġġu fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima

L-għaqdiet ambjentali qalu li qed jirrifjutaw l-istedina li saritilhom mill-Ministru Leo Brincat biex ikunu rappreżentati fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
Qalu li qed jagħmlu dan b’sinjal ta’ protesta minħabba li fi kliemhom, il-Gvern mhux qed juri l-ebda impenn biex iwettaq il-prijoritajiet ambjentali.
Minkejja li jafu li l-MEPA ma taqax taħt il-Ministeru tiegħu, l-NGOs qed isostnu li l-Ministru Brincat għamel ftit wisq biex inaqqas it-tniġġiż fl-ambjent. Jirreferu għas-sehem tal-Ministru Brincat f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ġustifikat li tittieħed l-art ODŻ fiż-Żonqor.
L-għaqdiet ambjentali sostnew li kwistjonijiet oħra kienu dawk marbuta ma’ bini iktar għoli, l-insib, il-provista tal-elettriku f’boathouses li nbnew b’mod illegali kif ukoll policies oħra li jiffaċilitaw l-bini f’żoni tal-ODŻ.
Qalu wkoll li l-Gvern mhu qed jieħu l-ebda azzjoni dwar ir-rata dejjem tiżdied ta’ speċi li se jsiru estinti minħabba t-tibdil fil-klima.
Reazzjoni mill-Kaċċaturi San Ubertu
Intant b'reazzjoni, l-Kaċċaturi San Ubertu kkundannaw l-aġir tal-għaqdiet ambjentali.
L-għaqda tal-kaċċaturi qalet fi stqarrija, li jekk verament l-għaqdiet ambjentali jridu li mill-kliem jgħaddu għall-fatti, ma jistgħux jirrifjutaw opportunità li jkunu fuq il-Bord tal-Azzjoni dwar il-Klima.
L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu saħqet li l-għaqdiet ambjentali huwa moħħhom biss biex jinterpretaw kif iridu l-kwistjoni tal-kaċċa iżda mbagħad ma jirrikonoxxux l-importanza tal-involviment tagħhom fuq kwistjoni importanti u globali bħalma hija l-Klima.
Kaċċaturi San Ubertu qalu li għall-ġid tal-kredibilità tal-istess għaqdiet ambjentali, jkun jaqbel iktar li dawn tal-aħħar jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni tagħhom.