Ma jridux li postijiet battala jitqiesu parti mill-provvista tad-djar

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvluppaturi (MDA) ma jridux li postijiet battala jitqiesu bħala postijiet li fihom jistgħu joqogħdu n-nies jekk tinqala’ l-ħtieġa, u dan skont rapport ikkummissjonat minnha dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u l-proprjetà f’Malta.
L-istudju sab ukoll li m’hemm ebda fatturi li qed jimbuttaw biex il-prezz tal-proprjetà għall-bejgħ jogħla, u għalhekk ixejjen l-idea li hawn xi splużjoni tal-prezzijiet.
The Construction Industry and property market in Malta sar mill-KPMG, u tnieda waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru, Joseph Muscat u l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna.
Dwar is-sejba tal-istudju fuq il-prezzijiet, Dr Muscat qabel li l-prezzijiet mhux vera qed jogħlew, u rrimarka li l-istudju juri li din kienet biss ħrafa.
Fi stqarrija, l-MDA elenkat uħud mis-sejbiet, li huma dawn li ġejjin:

  • 42% tad-djar battala jintużaw biss okkażjonalment jew skont l-istaġun
  • Il-bqija huma kompletament battala
  • Is-settur tal-proprjetà jifforma 15% ta’ dak li jipproduċi l-pajjiż b’total ta’ €2.55 biljun
  • L-industrija tal-bini tħaddem 21% ta’ dawk li jaħdmu fil-pajjiż, madwar 37,275 ħaddiem

Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti, qal li l-istudju se jservi sabiex jużawh meta jkunu qed jiddiskutu ma’ partijiet oħra, kif ukoll bħala għajnuna biex l-industrija tkompli tikber.