Ma jridux jikkummentaw dwar Pilatus

L-Awtorità Finanzjarja fir-Renju Unit, il-Financial Conduct Authority (FCA), la ċaħdet u lanqas ikkonfermat jekk il-Bank Pilatus f’Londra hux qed jiġi investigat.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mtl-Awtorità wieġbet li mhix f’pożizzjoni li tgħaddi informazzjoni fuq kumpaniji individwali.
Wara li l-Bank Pilatus ingħata l-liċenzja bankarja f'Malta f'Jannar tal-2014, setgħet tinħariġlu liċenzja biex ikun jista' jaħdem ukoll mir-Renju Unit.
Il-fergħa f’Londra fetħet lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, ftit xhur qabel mal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ħarġet stejjer dwar l-istess Bank.
Fost l-oħrajn, il-ġurnalista kitbet li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’  Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, li kellha kont fil-Bank Pilatus u li fih sar trasferiment ta’ €1 miljun mill-familja tad-dittatur tal-Ażerbajġan.  Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet. 
Skont is-sit uffiċjali tal-Bank Pilatus, il-bank jattira klijenti sinjuri u jispeċjalizza fi private banking.
F’April li għadda, il-ġurnalista assassinata kienet kitbet li meta ppruvat tmur tara l-fergħa f’Londra, “ma kien hemm xejn li jiddistingwi l-bank minn residenza apparti li l-bieb tal-ħġieġ kien miftuħ".
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet f’Malta f’Diċembru li għadda, hi li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jinvestigaw jekk il-Bank Pilatus għandux titteħidlu l-liċenzja. 
L-Ewroparlamentari David Casa wkoll kien talab lill-Bank Ċentrali Ewropew biex juża l-poteri legali tiegħu u jintervjeni biex jara għaliex il-Bank Pilatus żamm il-liċenzja tiegħu.