Ma jkollhomx lezzjonijiet biex isir it-tindif qabel il-ftuħ uffiċjali

L-istudenti tal-MCAST f’Għawdex illum ma kellhomx lezzjonijiet, biex ikun jista’ jsir it-tindif u l-manutenzjoni meħtieġa, qabel l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-iskola nhar it-Tnejn li ġej.
Studenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu kif dalgħodu marru għal-lezzjonijiet bħas-soltu, iżda qalulhom li llum se jagħtuhielhom franka, għax għadhom iridu jlestu għall-ftuħ uffiċjali ta’ tlett ijiem oħra.
L-istess studenti qalu li ġeneralment, f’każ ta’ tibdil, jiġu mgħarrfa permezz ta’ SMS, iżda din id-darba tħallew fl-għama.
Qalu li ċ-ċentru kellu bżonn tindifa tajba, għax ilhom l-aħħar ġimgħa fit-trab, u li xi studenti spiċċaw ibatu wkoll bi problemi ta’ nifs.
Din hija l-ewwel sena li l-istudenti tal-MCAST f’Għawdex bdew jattendu fiċ-ċentru f’Għajnsielem, fil-post fejn qabel kien hemm iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.
Il-ftuħ uffiċjali tal-Kampus il-ġdid f'Għawdex se jsir nhar it-Tnejn li ġej fis-6pm mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. 
Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni baqgħu ma ġewx imwieġba.