Awdjo: “Ma jitkellmux għax għas-soċjetà raġel b’saħħtu u m’għandux jibki”

Il-psikologu u s-sesswologu Dr Nicholas Briffa sostna li s-soċjetà tinsisti li r-raġel huwa b’saħħtu u li m’għandux jibki, u m’għandux jiġi intimidat, speċjalment minn mara.
F’intervista mxandra waqt Newshour fuq RTK 103FM, Dr Briffa saħaq li dawn l-ideat iwasslu lill-irġiel biex jew ma jirrealizzawx li jkunu f’sitwazzjoni ta’ abbuż, jew inkella ma jitkellmux sabiex ma jidhrux “inferjuri”.
Dr Briffa spjega li dan juri kif il-vjolenza domestika fuq l-irġiel hija waħda aktar sottili, propju minħabba l-isterjotipi li bihom tiffunzjona s-soċjetà.
Irrimarka kif f’Malta għad hawn predominanza tal-ideat patrijarkali, minkejja li qed ngħixu fi żmien fejn in-nisa għandhom aktar rispett mis-soċjetà.
Dr Briffa insista li f’każijiet ta’ vjolenza domestika, l-irġiel iħossuhom aktar umiljati, u ħafna drabi anke l-professjonisti ma jemmnux li din hija realtà eżistenti.
Spjega li hemm bżonn kbir li l-professjonisti jirrealizzaw li r-raġel li jiġi quddiemhom jista’ jkun għaddej minn każ ta’ vjolenza domestika u għalhekk għandhom jidħlu propju fid-dettall tal-ħajja tiegħu u r-relazzjoni tiegħu fid-dar billi jistaqsu domandi diretti.
Kompla jgħid li fil-każ tiegħu qatt ma ġie raġel li direttament qallu li huwa vittma ta’ vjolenza domestika, iżda mhux l-ewwel darba li wara li raġel ikellmu dwar problemi emozzjonali u sesswali, il-mistoqsijiet li jistaqsi jwasslu sabiex wieħed jirrealizza li hemm xi tip ta’ vjolenza għaddejja, kemm jekk psikoloġika kif ukoll jekk fiżika.
Il-psikologu insista li l-vjolenza domestika fuq l-irġiel hija realtà f’Malta, li importanti tiġi indirizzata.