Ma jitħallewx jieklu f’ristorant

Mhux tas-soltu li koppja rjali Ingliża tkun rifjutata mejda u ikla f’ristorant. Imma hekk ġara dan l-aħħar fil-Kanada fejn il-Prinċep Harry u Meghan Markle qed joqogħdu bħalissa.

Il-koppja xtaqu li jmorru jieklu fir-ristorant Franċiż Deep Cove Chalet. Iżda meta s-sid tal-post sar jaf min kienu ma aċċettahomx u riedhom ma jersqux lejn ir-ristorant tiegħu. Iżda r-raġuni ma kinitx għax il-post kien mimli kollu u ma kienx hemm post għalihom. Xejn minn dan.

Skont il-ġurnal Vancouver Sun, li intervista lil Bev Koffel, waħda mis-sidien tar-ristorat, żewġha ma riedx lill-koppja tmurlu fil-post għax ma kienx ippreparat jorganizza r-ristorant għal ikla waħda biex jakkommoda lill-uffiċjali kollha tas-sigurtà li jakkumpanjaw lil Harry u lil martu.

Madankollu Bev Koffel qalet li tispera li fi ftit jiem oħra żewġha jbiddel ħsiebu u jakkomadhom kif xtaqu.

Ta’ min ikun jaf li ftit jiem wara li ħarġet din l-aħbar dwar il-Prinċep Harry u Meghan Markle, xiħadd li mar jiekol fir-ristorant, waqt li faħħar l-ikel, maqdar is-servizz u semma li l-wejters ma jaħsbuhiex darbtejn biex igeddsu familja ta’ ħamsa f’rokna fejn ikunu qrib tieqa bid-dubbien fuqha u fejn il-wejters jinsew li poġġewhom hemm.