Ma jistgħux jaqbdu l-ħallelin għax b’number plate barrani

Minkejja li għadda iktar minn xahar minn meta nsterqu xi oġġetti minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Buġibba, huwa mifhum li l-Pulizija ma tistax tipproċedi bl-investigazzjoni dwar rapport ta’ serqa minn dan il-ħanut. 
Il-ħallelin li serqu minn negozju tal-ħwejjeġ, kienu reġgħu ntlemħu fl-istess ħanut mit-tifel tas-sid ġimgħa wara l-ewwel darba. It-tifel kien għaraf lill-ħallelin u prova jċempel in-numru tal-emerġenza 112, iżda ma wieġbu ħadd.  Il-ħallelin kienu ħarbu minn fuq il-post b’vann griż li kellu pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-karozza barranija.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li minħabba li l-vann kellu pjanċa b’numru ta’ reġistrazzjoni barrani, il-Pulizija ma tistax tkompli bl-investigazzjoni minħabba li m’għandhiex aċċess għad-database internazzjonali.
Għaldaqstant sa issa la Transport Malta u lanqas il-Pulizija ma jafu kemm jammontaw il-vetturi bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin fit-toroq Maltin.
Min għandu xi informazzjoni dwar il-ħallelin li jidhru fil-filmat, jista’ jmur l-għassa tal-Pulizija ta’ Buġibba jew iċempel lil sid il-ħanut fuq 21573866.