Ma jistgħux isiru mistoqsijiet dwar il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi – l-Ispeaker

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li m’għandhomx isiru domandi fuq l-operat tal-MTA matul is-sena 2019 mill-kumitat dwar il-kontijiet publiċi qabel ma jitpoġġa fuq il-medja tal-kamra tar-rappreżentanti r-rapport finanzjarju tal-awtorità tal-istess sena. B’hekk il-kwistjoni kontroversjali li ddur mal-kuntratt li ngħata l-eks Ministru Konrad Mizzi mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) tpoġġiet fuq l-ixkaffa.

Il-kuntratt ġie rtirat mill-Prim Ministru Robert Abela wara li ġie żvelat fil-pubbliku. Fuq din il-kwistjoni ntalabu żewġ rulings mill-whip Laburista Glenn Bedingfield wara li l-kuntratt spiċċa quddiem il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi (PAC) bl-Oppożizzjoni tagħmel mistoqsijiet li ġew mwaqqfa mill-membri tal-Gvern li jpoġġu fuq l-istess kumitat.

Fit-tieni talba għal ruling, Bedingfield kien stqarr li ma jridx imur kontra r-ruling tal-ispeaker iżda jekk l-Ispeaker ma jsib l-ebda oġġezzjoni, il-Gvern lest jiddiskuti l-kuntratt.

Min-naħa tiegħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien argumenta li l-Oppożizzjoni ma marritx kontra r-ruling tal-Ispeaker peress li l-mistoqsijiet kollha kien dwar ir-rapport finanzarju tal-MTA li jinsab quddiem l-istess kumitat. Stqarr li l-kuntratt ta’ Mizzi sar fl-istess sena finanzjarja li qed tiġi diskussa fil-PAC.

Beppe Fenech Adami qal li l-membri tal-Gvern ma sabu l-ebda oġġezzjoni għall-mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Manchester United, l-ispejjeż li ntefqu fuq l-attività Fairyland li saret fi żmien il-Milied fi Pjazza Tritoni iżda oġġezzjona għal mistoqsijiet fuq il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi minkejja li l-istess Gvern stqarr li Mizzi ma tħallasx.