Ma jistax isir referendum fuq iż-żwiemel jew il-logħob tan-nar – Cacopardo

Carmel Cacopardo, is-Segretarju tal-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa sostna li bil-liġi f’Malta ma jistawx jinġabru firem biex isir referendum biex jispiċċa l-logħob tan-nar.
Qal li lanqas ma jistgħu jinġabru firem biex jitneħħew iż-żwiemel mit-toroq.
Cacopardo qal dan fil-blog personali tiegħu fejn qal li referendum abrogattiv ifisser votazzjoni favur jew kontra li jitneħħew liġijiet jew regolamenti.
Qal li jekk jitneħħew regolamenti f’dawn l-oqsma jew oħrajn ikun ifisser li l-Gvern ma jkollux kontroll jew poter.
Cacopardo qal li huwa l-Parlament li jista’ jnaqqas jew ineħħi għal kollox iż-żwiemel mit-toroq jew il-logħob tan-nar u mhux referendum.
Sostna li huwa biss il-Gvern li għandu s-setgħa li jnaqqas jew jirregola setturi partikolari bħaż-żwiemel jew il-logħob tan-nar.
Carmel Cacopardo qal li fir-referendum tal-11 ta’ April, il-Maltin u l-Għawdxin se jivvutaw fuq liġijiet li bihom il-Gvern qed jagħti permess biex issir il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gammiem u s-summien.