“Ma jistax ikun li studenti jieqfu jistudjaw minħabba l-prezz tal-kera” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-pajjiż ma jistax jippermetti li studenti jieqfu mill-istudji terzjarji tagħhom għax ma jaffordjawx jikru akkomodazzjoni.
“Din ma għandhiex tkun preokkupazzjoni għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom biss, imma tagħna lkoll,” saħaq Monsinjur Grech.
Huwa qal dan waqt Quddiesa li fiha ħadu sehem dawk l-eksstudenti u ħaddiema Għawdxin li erbgħin sena ilu sabu kenn f’hostel.
Din il-hostel kienet twaqqfet għall-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin f’Malta fuq inizjattiva ta’ ħafna, fosthom l-Isqof ta’ Għawdex ta’ dak iż-żmien Nikol Cauchi.
Fi kliem Monsinjur Grech, b’din l-inizjattiva dehret ċara d-dimensjoni soċjali tal-Vanġelu.
“Dakinhar il-Knisja f’Għawdex għarfet issarraf il-fidi f’din l-opra soċjali li kienet ta’ benefiċċju għal numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ u familji Għawdxin,” saħaq l-Isqof.
Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li sabu kenn f’din il-hostel, biex wara l-għajnuna li rċevew, issa jkunu huma li “misjuqin” mill-imħabba għall-Kristu jagħtu s-sehem tagħhom fil-kamp soċjali.
“Kif ilbieraħ il-Knisja wriet attenzjoni magħkom u kienet b’mod prattiku solidali magħkom, nagħmlilkom il-qalb biex intom li tagħmlu parti mill-Knisja tal-lum, tagħtu attenzjoni lil min huwa fil-bżonn u tkunu solidali miegħu,” kompla Monsinjur Grech.
Iddeskriva din il-hostel, li għall-bidu twaqqfet fil-Belt, imbagħad ukoll f’Birkirkara, bħala investiment għall-ġenerazzjonjiet li kellhom jiġu u għalhekk ħeġġeġ lil dawk kollha li sabu kenn fiha biex ikomplu juru interess fis-soċjetà Għawdxija u jwasslu l-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin.
Kien hawn li rrefera għat-tħassib li kemm-il darba wrew studenti Għawdxin u ddeskriva bħala “ironija” li meta qed titfakkar din il-hostel, “illum hemm studenti Għawdxin f’Malta li ma jistgħux isibu akkomodazzjoni”