“Ma jistax ikun li meta fil-Mediterran imutu l-għexieren qisu mhu xejn”

Ritratti: knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li ma jistax ikun li meta fil-Baħar Mediterran imutu għexieren ta’ nies qisu mhu qed jiġri xejn.

Dan qalu fl-omelija tiegħu fil-quddiesa fil-festa ta’ San Publiju fil-Knisja Arċipretali tal-Furjana fil-21 ta’ Jannar.

Skont l-Isqof, San Publiju (il-prinċep ta’ Malta) jissemma b’mod prominenti u pożittiv fil-ġrajja tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.

“Publiju ma kien jaf lil ħadd minn dawk li kienu fuq il-ġifen li kellu n-nawfraġju f’Malta,” qal l-Isqof, li żied jgħid li l-Atti tal-Appostli jenfasizza li Publiju laqa’ lil dawk fuq il-ġifen bil-qalb u żammhom għandu għal tlett ijiem.

Skont l-Isqof, għalkemm Publiju kien għadu ma semax bil-kliem ta’ Kristu, f’qalbu diġà kellu l-ospitalità. Qal li Publiju juri kemm hu sabiħ li jkollok qalb kbira u miftħua għal kulħadd, kemm min hu barrani u anke min hu Malti.

Mons. Galea-Curmi qal ukoll li Publiju kien lest li jilqa’ għax kien jgħożż il-ħajja ta’ kull persuna li kien hemm fil-ġifen u ma ħallihomx jiffriżaw. “Publiju jsejħilna biex dejjem ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha” qal l-Isqof.

L-Isqof qal ukoll li Publiju kien dak li jaħdem għall-bini tal-komunità bħala l-prinċep tal-gżira. Żied jgħid li hu fehem x’inhi l-Knisja u kien lest imut għaliha.

“Illum inħarsu lejn San Publiju biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni għall-parroċċa bħala komunità ħajja,” qal l-Isqof li żied jgħid li fil-komunità kulħadd huwa importanti ndaqs.