“Ma jistax ikun li Malta tibqa’ b’Parlament part-time” – Repubblika

Robert Abela Parlament
Ritratt: Miguela Xuereb

L-għaqda Repubblika qalet li ma jistax ikun li Malta tibqa’ għaddejja b’Parlament b’part-time. Hija kkritikat il-fatt li l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż tiltaqa’ għal ftit sigħat fil-ġimgħa u tieqaf għal xhur sħaħ fis-sajf u f’perjodi oħra tul is-sena.

F’ittra miktuba lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, Repubblika esprimiet it-tħassib tagħha fuq ir-rapport ippubblikat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika lbieraħ dwar membri parlamentari impjegati mal-Gvern u li allegatament ifallu mix-xogħol minħabba l-ħidma tal-Parlament.

L-NGO hi tal-fehma li l-Parlament għandu janalizza dan ir-rapport, flimkien mar-rapport tal-istess Kummissarju dwar il-karigi jew servizzi kontrattwali li l-membri parlamentari għandhom mas-servizz pubbliku. Dak ir-rapport kien ġie ppubblikat fil-5 ta’ Lulju, 2019.

Hija spjegat li ma tarahiex tagħmel sens li l-Gvern huwa full-time, il-ġudikatura hija full-time, iżda l-Parlament mhuwiex.

Repubblika qablet mal-Kummissarju Hyzler li x’aktarx dawn il-membri parlamentari jonqsu mill-ħidma tagħhom fil-Parlament mhux b’mod illeċitu, imma għax is-sitwazzjoni ma tippermettilhomx li jsibu biżżejjed ħin għall-ħidma parlamentari tagħhom. Fi kliem l-għaqda, dan huwa ta’ ħsara lid-demokrazija u jfixkel l-iskrutinju li l-Kostituzzjoni tobbliga lill-Parlament jagħmel fuq il-Gvern.

Dwar l-indipendenza tal-Parlament u tal-qrati
L-MPs iridu jagħżlu – George Hyzler