“Ma jistax ikun ippubblikat” – Abela dwar il-pakkett finanzjarju ta’ Muscat

Ritratt: fb.com/JosephMuscat

Il-Prim Ministru Robert Abela qal fil-Parlament li l-iskema li taħtu ngħata pakkett finanzjarju l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax ikun ippubblikat minħabba li hu dokument tal-Kabinett.

Meta kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista David Thake, Abela rrefera għal fatt li dan hu dokument tal-Kabinett. Qal li għaldaqstant dan ma jistax ikun ippubblikat, kif joħroġ ukoll mil-Liġi għal-Libertà tal-Informazzjoni tal-2012, Kapitlu 496, Artiklu 29. 

Dan l-artiklu jgħid li l-publikazzjoni ta’ dokumenti sensittivi li jista’ jakkaġuna ħsara lis-sigurtà nazzjonali, difiża jew relazzjonijiet internazzjonali jew inkella hu dokumenti tal-Kabinett m’għandhomx ikunu ppubblikati.

Il-Prim Ministru qal ukoll li ma teżisti l-ebda ittra tar-riżenja mill-kariga tal-Prim Ministru ta’ Joseph Muscat u l-ittra li kien qed jirreferi għaliha, id-deputat Nazzjonalista kienet indirizzata lill-President ta’Malta.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista u l-kandidat indipendenti Arnold Cassola insistew li l-ittra ta’ riżenja li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għadda lill-President George Vella għandha tiġi ppubblikata, speċjalment għax il-President qal li li kieku tkun ippubblikata, din taffettwa kif jiffunzjona l-Gvern.