Ma jirriżultax li se jinkisru liġijiet Ewropej bit-tanker f’Delimara

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li mill-ftit informazzjoni li għandha, l-użu tat-tanker tal-gass f’Delimara ma jidhirx li jikser il-liġijiet ambjentali Ewropej.
Kien Newsbook.com.mt li żvela kif il-Kummissjoni kienet bdiet tinvestiga l-użu tat-tanker. Din kienet responsabbilità tad-dekasteru tal-Kummissarju Karmenu Vella.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li f’risposta lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea qalet li rċeviet ittra mill-Gvern Malti u qed tibbaża l-konklużjoni preliminari minnha.
F’risposta ta’ tliet paġni, il-Kummissjoni tgħid li m’għandhix informazzjoni biżżejjed f’dan l-istadju.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li fl-ittra, l-Gvern Malti jgħid li huwa obbligu tal-operatur li jressaq rapport dwar is-sigurtà, bi proċediment ta’ prevenzjoni f’każ ta’ inċident.
Il-Gvern wieġeb li dan irid isir fi żmien raġjonevoli iżda mhux neċessarjament jrid isir qabel il-kostruzzjoni imma wkoll qabel ma tibda taħdem il-power station.
Jirriżultà li l-awtoritajiet Maltin diġà talbu biex dan ir-rapport jitlesta sa sitt xhur qabel il-ftuħ tal-power station.
Il-permess biex din taħdem se jiddependi fuq kemm se tkun qed tosserva l-liġijiet ambjentali Ewropej fosthom dik ta’ Seveso.
Mir-risposta tal-Kummissjoni Ewropea jirriżulta wkoll li l-operatur tal-power station il-ġdida jrid jinforma lill-pubbliku, l-istabbilimenti u skejjel, li jistgħu jiġu affetwati f’każ ta’ diżgrazzja, bl-informazzjoni dwar miżuri ta’ sigurtà li jridu jittieħdu.
Kien il-membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li ressqet il-petizzjoni biex il-Kummisjoni tibda din l-investigazzjoni. Dan wara li nġabru aktar minn 3,000 firma.
Metsola qalet li fir-risposta lill-Kummissjoni, il-Gvern Malti qal li l-power station il-ġdida se tinbena f’art agrikola u f’żona fejn m’hemmx ħafna bini.
Sostniet li b’hekk il-Gvern qed jinjora lir-residenti kollha ta’ Marsaxlokk.
Metsola qalet li l-intenzjoni tal-petizzjoni kienet li l-inwkiet ta’ dawn ir-residenti jiġi ndirizzat iżda r-risposta tal-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea ma jindirizzax dan it-tħassib.
Qalet li issa l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jibda jikkunsidra x’passi oħra jistgħu jittieħdu.