Ma jintleħaq l-ebda ftehim dwar il-baġit Ewropew

Sigħat ta’ diskussjonijiet bejn l-mexxejja Ewropej ma wassulx għal ftehim fuq il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.

Il-baġit Ewropew għall-2021 sal-2027 jidher li se jkun bejn €1.08 triljun. Dan ifisser żieda ta’ € 18 biljun meta kkumparat ma’ dak preżenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab fiduċjuż li Malta se tikseb pakkett finanzjarju tajjeb.

Is-summit speċjali tal-mexxejja Ewropej li kien l-ewwel wieħed għal Abela intemm illejl li għadda mingħajr ftehim finali, minkejja jumejn sħaħ ta’ laqgħat intensivi u negozjati.

L-ewwel jum tiegħu s-summit, baqa’ għaddej sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu mingħajr ebda żblokk. Fit-tieni jum tas-summit saru iktar laqgħat bilaterali fi sforz biex tinstab bażi għal ftehim aħħar iżda baqa’ ma seħħx.

Waqt dan is-summit, il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, għamilha ċara li l-baġit għadu ‘l bogħod milli jilħaq l-aspettattivi tal-Parlament Ewropew, li qed jitlob nefqa ta’ €230 biljun iktar fuq l-€1.08 triljun proposti mill-President tal-Kunsill Ewropew.

Is-summit mistenni jerġa’ jitlaqqa’ x-xahar id-dieħel, bit-tama li tinstab soluzzjoni.