Ma jintbagħtux Paceville għas-sigaretti u minuri, u jispiċċaw bla extra duty

Uffiċjali tal-Pulizija mis-sezzjoni tal-ALE m’għadhomx jingħataw extra duty, wara li ma baqgħux jintbagħtu Paceville biex jissorveljaw tipjip u dħul ta’ persuni taħt l-età fl-istabbilimenti tad-divertiment.
Ma’ Newsbook.com.mt, uffiċjali tal-ALE esprimew id-diżappunt tagħhom, li huma mhux jingħataw extra duty għall-kuntrarju ta’ uffiċjali sħabhom f’distretti u sezzjonijiet oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Qalu li dan wara li saret pressjoni mis-sidien tal-istabbilimenti stess.
Spjegaw li minkejja wħud minnhom talbu għal extra duty mal-uffiċini tal-kumpanija ARMS, it-talba tagħhom ma ġietx aċċettata mingħajr ma ngħataw raġuni valida.
Qalu li mhux ġust li sħabhom “mejtin fis-sakra” u huma “mejtin bil-għatx.”
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija spjegaw ma’ Newsbook.com.mt, li jidher li l-uffiċjali ma ngħatawx l-extra duty mal-ARMS “minħabba diżgwid li hemm bejn Supretendenti tal-Pulizija, li fil-passat kellhom proċeduri l-Qorti kontra xulxin u minkejja li wieħed minnhom instab ħati, baqa’ ma ġara xejn.”
Żiedu jgħidu li bosta huma l-uffiċjali tal-Pulizija li jintbagħtu fuq extra duty regolarment, fost l-oħrajn waqt partiti tal-futbol, mas-swali tat-tiġijiet, mal-Isptar Mater Dei u anke mal-istess uffiċini tal-ARMS.