“Ma jiġix arrestat minkejja li kważi qalagħlu spalltu”

Uffiċjali tal-Pulizija jinsabu urtati minħabba li ma tressaqx b’arrest ir-raġel li ħebb għal kuntistabbli tal-Pulizija l-ġimgħa li għaddiet.
Ma’ Newsbook.com.mt, uffiċjali tal-Pulizija rreferew għal każ li seħħ qrib l-iskola tal-Gudja, meta kuntistabbli tal-Pulizija, li għandu taħt it-30 sena, ġie aggredit wara li pprova jikkalma argument.
Qalu li “minkejja li kważi qalagħlu spalltu, l-uffiċjali tad-Distrett lanqas biss ressqu lir-raġel b’arrest.”
Żiedu jgħidu li l-attakki kontra l-membri tal-Korp qed isiru spiss u li meta l-arresti ma jsirux fi żmien 24 siegħa qed "titnaqqas is-serjetà tal-każ." Esprimew ukoll ir-rabja tagħhom, fi kliemhom, minħabba li meta nbidel il-Kummissarju, is-sitwazzjoni marret għall-agħar.
L-Uffiċjali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li “mid-depot iktar moħħhom biex jgħalluhom milli jiddefenduhom.”
Semmew ukoll kif il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni qatt ma kkritikat lill-Kummissarju preżenti, b’kuntrarju għal dak li kienet tagħmel mal-Kummissarju preċedenti.
Qalu li tant hemm membri tal-Korp imxebba’ u demoralizzati, li ħafna huma l-uffiċjali li qed jitilqu.