Ma jiflaħx għall-Qorti filgħodu, filgħaxija jmur il-Parlament

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ma deherx fil-Qorti filgħodu waqt li filgħaxija deher fil-Parlament, jippreżenta l-emendi għal-liġi kontra l-ħasil tal-flus.

Filgħodu, il-Ministru Scicluna reġa’ ma kienx preżenti fil-Qorti hekk kif kellu jkompli l-każ ta’ libell li sar minnu stess kontra l-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

L-avukat tal-Ministru, Ivan Sammut informa lill-Maġistrat Rachel Montebello li l-Ministru ħassu ma jiflaħx meta kien imsiefer u mar-ritorn tiegħu Malta, ġie rikoverat l-Isptar Mater Dei għal aktar trattament.

Madanakollu, wara nofsinhar, il-Ministru Scicluna deher fil-Parlament, jiftaħ id-diskussjoni fl-istadju tat-tieni qari, dwar l-abbozz tal-liġi li jemenda l-att kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Ministru, viżibilment għajjien u b’vuċi dgħajfa, għamel diskors ta’ 45 minuta dwar emendi proposti fil-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus magħrufa bħala l-5th AMLD li tissostitwixxi l-4th AMLD li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra.

Fost oħrajn, din il-liġi se jibda tirregola kumpaniji magħrufa bħala cryptocurrency custodians jiġifieri banek virtwali li jieħdu ħsieb it-tranżazzjonijiet tal-cryptocurrency.