“Ma jiddispjaċini xejn” – Kap ta’ skola

Dalgħodu fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart, Jes Saliba fil-jum internazzjonali tal-għalliema, intervista lil Sue Azzopardi, kap ta’ skola, li stqarret li qatt ma kienet ħasbet li se tiffaċċja s-sitwazzjoni preżenti. Sue ilha f’din il-professjoni sa mill-1992.

“Qed nixjieħ. Dejjem għallimt primarja u ninsab għal qalbi ħafna. Kont assistenta u issa kap ta’ skola. Ovvjament naħseb li qatt ma kellna sena bħalma ħa tkun din. Kull sena jkollna eċċitament kbir biex tilqa’ t-tfal l-iskola imma s-soltu nkunu b’entużjażmu —  klassijiet imżejna, kollox sabiħ, assembly ippreparata. Iżda din is-sena sfortunatament ser nilqgħu lit-tfal mid-distanza – iżda xorta ser nagħmlu l-almu tagħna, ikollna dik it-tbissima, iżda nammetti li kollha għandna dik id-daqsxejn anżjetà,” stqarret hi.

Dan il-perjodu kien ikkaratterizzat minn laqgħat, diskussjonijiet u rwoli tal-għalliema. X’apprezzat u x’dejjaqha l-aktar?

“Iżjed dejjaqni mill-apprezzajt. Jien naf kemm l-għalliema tiegħi ħadmu, kemm jibagħtuli ġurnata sħiħa dwar x’irridu nagħmlu, x’se nippreparaw, kif ħa nagħmlu biex naqdu lill-istudenti, inkwetati ħafna għax għandhom nuqqas kbir ta’ riżorsi fil-klassi, mhux għax mhux provduti mill-Gvern, imma sfortunatament din is-sena ma nistgħux. Għal kuntrarju ta’ dak li jinstema’, għamilna ħafna u ħafna taħriġ (training) – ilna għaddejjin minn Marzu,” qalet waqt li stqarret li hija qed titgħallem tuża sistemi ġodda.

“Ħadd qatt ma wzahom qabel. Qed nitgħallmu aħna flimkien mal-ġenituri. Ma nagħtix tort lil dawk il-ġenituri li jinsabu mbeżżgħa għax anki aħna qegħdin nippruvaw nitgħallmu. Iddejjaqni ħafna meta nisma’ kritika fuq l-għalliema meta jgħidu li aħna rridu noqogħdu d-dar. Din mhix vera. Iżda għandna anżjetà, jekk f’każ li jkolli tifel marid x’se jiġri?  Anżjetà jekk l-għalliema tkun marida! Iżda li mhux li ma rridux nidħlu lura l-iskola,” kompliet tgħid hi.

Hija stqarret ukoll li kulħadd ippreparat biex jidħol lura l-iskola, anzi jinsabu mdejqin li ma jistgħux jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu qabel.

“Ma jistax ikun hemm il-logħob interattiv li qabel kien hemm fil-klassi, ma jistax ikollna assembly, ma jistax ikollna l-kunċert tal-Milied. Dawn huma attivitajiet li l-istudenti jieħdu gost bihom. Edukazzjoni ħolistika. It-tfal hemm tieħu gost tarahom joħorġu l-karattru tagħhom. Nawgura sena skolastika sabiħa u tajba lil kulħadd: għalliema, studenti u ġenituri. Nagħmlu mill-aħjar illi nistgħu. Nawgura wkoll il-jum it-tajjeb lil għalliema kollha peress li llum huwa l-Jum Internazzjonali tal-Għalliema,” temmet tgħid Sue Azzopardi.

Isma’ l-intervista sħiħa permezz tal-awdjo f’din il-paġna.