Ma jibqax arrestat l-akkużat bil-qtil fil-Kalkara

Ingħata l-ħelsien mill-arrest, Gregorio Godwin Scicluna li jinsab mixli bil-qtil ta’ missier is-sieħba tiegħu f’Ottubru li għadda fil-Kalkara.
Scicluna ta’ 52 sena mill-Kalkara qed jaffaċċja 11-il akkuża, fosthom li qatel lil Joseph Caruana ta’ 61 sena mill-Kalkara wkoll. Jinsab akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil tas-sieħba tiegħu u ta’ tnejn minn uliedhom li għandhom tliet snin u ħames snin.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b'diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx qrib tal-familja tal-vittma u ma jippruvax jikkuntattjahom. Irid jiffirma fl-għassa tal-pulizija taż-Żejtun kuljum u ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-10pm u t-8am.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata b’garanzija personali ta’ €30,000, u depożitu ta’ €30,000 oħra.