Malti ma jitħalliex iżomm iż-żewġ kunjomijiet fuq il-passaport

Raġel b’żewġ kunjomijiet minn tfulitu jgħid li ma’ jistax iżomm iż-żewġ kunjomijiet meta jiġi biex iġedded il-passaport u l-karta tal-identità tiegħu.
Meta tkellem ma’ Newsbook.com.mt, huwa jispjega li għal xi żmien kien hemm formola li permezz tagħha individwu seta’ japplika biex iżomm kunjom ommu u missieru.
Jgħid li bħalissa din il-formola ma għadhiex tintuża.  Għalhekk ma jistax japplika biex jidhru ż-żewġ kunjomijiet fuq il-passaport jew il-karta tal-identità tiegħu, minkejja li d-dokumenti preżenti li għandu huma biż-żewġ kunjomijiet.
Ir-raġel isemmi kif għandu ċ-ċertifikati tal-iskola, dawk tal-Università u l-kontijiet bankarji b’żewġ kunjomijiet. Iżda issa mingħajr din il-formola, il-passaport u l-karta tal-identità il-ġodda se jkollhom biss kunjom wieħed, jiġifieri dak ta’ missieru biss.
Ikompli jgħid li “minn ċkuniti, legalment dejjem żammejt iż-żewġ kunjomijiet. Il-liġi kienet inbidlet fl-2012 iżda kien hemm biss sena ċans biex individwi japplikaw biex iżommu ż-żewġ kunjomijiet. Għalkemm il-bidla fil-liġi kienet fil-Gazzetta tal-Gvern, ma kien hemm l-ebda kampanja ta’ informazzjoni dwar dan u allura ħafna nies ma kinux jafu biha."
Staqsa wkoll lir-Reġistru Pubbliku dwar jekk u meta din il-formola hux se terġa’ tinħareġ, fejn qalulu li din kellha toħroġ fl-2014. Madankollu sostna li s’issa din il-formola għadha ma ħarġitx.
Biex iżomm iż-żewġ kunjomijiet li dejjem kellu fuq id-dokumenti legali tiegħu, issa jrid ikompli jistenna sakemm terġa’ tinħareġ din il-formola, jew inkella jsib avukat li jtella’ l-każ tiegħu il-Qorti bl-ispejjeż kollha involuti.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet dwar dan lill-Ministeru għall-Intern.